Ħaddiem jingħata l-grad lura u kumpens ta’ €39,048 li sofra f’telf ta’ paga
Il-General Workers’ Union rebħet każ quddiem it-Tribunal Industrijali ta’ ħaddiem li mhux biss ingħata lura l-kariga u l-grad li kien jaħdem fih għal diversi snin imma wkoll kumpens ta’ €39,048 f’pagi li kien tilef bejn is-snin 2019 u 2021.
Dan il-każ imur lura għas-sena 2016, meta ħaddiem tal-Kumpanija Malta Freeport Terminals kien ġie mitlub mill-management jibda taħriġ biex javvanza minn grad ‘F’ għal grad ‘F1′ li kien xogħol li jinvolvi li dan il-ħaddiem jaħdem fuq krejnijiet f’għoli ta’ 22 u 24 sular.
Ġara li waqt it-taħriġ, il-ħaddiem beda jibża’ mill-għoli li kien se jkun espost għalih fil-kariga l-ġdida u din il-biża’ kienet ir-raġuni tal-ansjetà qawwija li beda jbati minnha. Għaldaqstant il-ħaddiem talab li jibqa’ fil-grad li kellu, jiġifieri grad ‘F’ u jagħmel ix-xogħol kollu marbut ma’ dan il-grad bħalma kien jagħmel sa dak iż-żmien.
Il-kumpanija argumentat li ma setgħetx taċċetta dan billi l-grad li kellu l-ħaddiem kien imtela’ minn ħaddiem ieħor li kien promoss minn gradi inferjuri. Barra minn hekk, argumentat ukoll li ġaladarba l-ħaddiem kien ibati minn biża’ mill-għoli ma kienx se jkun tajjeb biex jaħdem la fuq
krejnijiet ta’ 6 sulari li kien jopera qabel u anqas fuq dawk ta’ għoli ta’ 22 u 24 sular kif jitlob il-grad il-ġdid ta’ F1. Għaldaqstant il-kumpanija setgħet toffrilu biss jew grad inferjuri jew inkella jsib impjieg ieħor.
Fil-kunsiderazzjonijiet tiegħu dwar il-każ, it-Tribunal fakkar li l-bdil ta’ grad ta’ xogħol ta’ impjegat, bdil fil-paga anki jekk se tiżdied u bdil fin-natura tax-xogħol huma bidliet materjali fil-kuntratt tax-xogħol u għaldaqstant dan iseħħ biss bil-kunsens taż-żewġ partijiet.
It-Tribunal ikkunsidra wkoll li impjegat għandu dritt li jieħu jew ma jiħux opportunità ta’ promozzjoni u fil-każ li ma jeħodhiex ma għandu jsofri ebda konsegwenza negattiva sempliċiment għaliex l-impjegat għamel għażla.
Għaldaqstant, il-kumpanija Malta Freeport Terminals, filwaqt li tista’ tħajjar u tinċentiva ħaddiem biex javvanza, ma tista’ qatt iżda timponi u ġġiegħel kontra r-rieda tal-ħaddiem li jidħol fi grad ogħla li ma jkunx jixtieq.
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u wara li qies l-elementi tal-każ fit-totalità u l-komplessità tagħhom, it-Tribunal iddeċieda li l-ħaddiem inkwistjoni għandu jingħata lura l-kariga ta’ grad ‘F’ u x-xogħol marbut ma’ dak il-grad mingħajr telf ta’ seniority. Minn barra dan, il-Kumpanija ngħatat tmien ġimgħat żmien biex ukoll tħallas lill-ħaddiem is-somma ta’ €39,048 li sofra bħala telf ta’ dħul bejn is-snin 2019 u 2021.
Din it-tilwima ta’ xogħol kienet riferuta lit-Tribunal Industrijali wara talba li saret mill-GWU skont Artiklu 74 dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali.