
It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) kisbet ir-rikonoxximent bħala l-union li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-Waste Management Officers impjegati fil-Waste Management Department tal-Isptar Mater Dei, wara proċess ta’ verifika mwettaq mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER).
Il-proċess ta’ verifika sar wara talba formali li l-GWU ressqet sabiex tingħata r-rikonoxximent ewlieni għall-finijiet ta’ negozjar kollettiv għal dawn il-ħaddiema.
Skont ir-rapport uffiċjali tad-DIER, ġie vverifikat li l-GWU għandha fi ħdanha l-maġġoranza tal-impjegati li jaħdmu bħala Waste Management Officers fil-Waste Management Department tal-Isptar Mater Dei, eskluż il-gradi ta’ Senior Management.
Il-GWU tilqa’ b’sodisfazzjon dan ir-riżultat li juri l-fiduċja li l-ħaddiema qed ipoġġu fil-ħidma tal-Union u fl-impenn tagħha li tħares id-drittijiet u l-interessi tagħhom.
Il-Union tirringrazzja lill-Waste Management Officers tal-fiduċja tagħhom u ttenni l-impenn tagħha li taħdem mill-qrib magħhom sabiex, permezz tad-djalogu soċjali u tan-negozjar kollettiv, tkompli ssaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-benesseri u d-drittijiet tagħhom.











