Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Politika

Il-GWU tikkundanna l-mibgħeda razzjali

Anti-Racism

Il-General Workers’ Union temmen li s-soċjetà Maltija, inkluż  il-klassi politika, iridu jqisu l-attitudni tagħhom u kliemhom fil-mod li bih jirreġixxu għal sitwazzjonijiet li jinħolqu f’pajjiżna u li fihom ikunu involuti persuni li mhumiex ċittadini ta’ dan il-pajjiż. Huwa deplorabbli li persuna tipprova toħloq  klima ta’ mibgħeda razzjali kontra persuni li qed jippruvaw jibnu ħajjithom.  In-nuqqas ta’ attenzjoni u responsabbiltà ta’ x’jinkiteb, x’jingħad u kif jingħad hija ta’ theddida għall-fibra soċjali li sawwret dan il-pajjiż. 

F’dawn l-aħħar ġimgħat, u żdiedet aktar wara dak li seħħ fiċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far, pajjiżna esperjenza mewġa misħuta ta’ kliem xenofobiku u ultra-nazzjonalista. Kliem tal-mistħija li m’għandu jingħad qatt. Żgur li l-inċidenti li seħħew huma kundannabli u ħadd ma jista’ jkun ’il fuq mill-liġi. Il-vjolenza qatt ma tista’ tkun is-soluzzjoni tal-isfidi tagħna. F’era fejn is-siti soċjali u l-midja għandhom is-saħħa li jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika hija responsabilità tagħhom li ma jiffermentawx il-mibgħeda kontra l-barranin. Mibgħeda li tifred lill-poplu nnifsu u lid-diversi komunitajiet minn xulxin. L-attitudni ta’ aħna u huma, hija kontra kull l-prinċipju u politika li ħaddnet il-GWU sa mit-twaqqif tagħha. 

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja jisħaq li fil-ħidma tagħha l-Union, qatt ma għamlet distinzjoni bejn il-ħaddiema li hija tiddefendi u tħares: “Aħna ma nħarsux lejn il-kulur tal-ġilda, it-twemmin politiku u reliġjuż, u ma nagħtux kas il-pajjiż ta’ oriġini. Fil-ħidma tagħna ta’ kuljum  nagħtu biss kas il-ħtiġiet tal-persuna, ġejja minn fejn ġejja. Il-Union fil-prattika tħaddan u tipprattika s-solidarjetà soċjali, toħloq integrazzjoni vera fejn kull persuna tħoss li hi stmata daqs kull ċittaddin ieħor.  Żgur li ma nistgħux ma ngħinux persuna minħabba l-kulur tal-ġilda tagħha, jew ir-reliġjon li tħaddan. Fil-fatt dak li wassal għall-ħolqien tal-GWU kienet propju l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.”  Għaldaqstant il-GWU filwaqt li teżiġi li l-awtoritajiet jieħdu l-passi kollha kontra kull min jikser il-ligi,  tisħaq li se tkompli taħdem favur politika ta’ integrazzjoni li tkun mibnija fuq ir-rispett reċiproku bejn id-diversi komunitajiet, iżda wkoll b’ħarsien assolut lejn il-liġijiet tal-pajjiż. Integrazzjoni ma tfissirx assimilazzjoni, iżda mod ta’ għajxien f’ambjent ta’ paċi u sliem.