
Il-Union toħroġ direttivi lill-care staff u tinsisti li l-ħaddiema m’għandhomx jingħataw dmirijiet barra mid-deskrizzjoni tax-xogħol tagħhom
It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) iddikjarat formalment Tilwima Industrijali f’Dar Emmaus, wara żviluppi li l-Union tqis li jmorru kontra l-ftehim li kien intlaħaq bejn il-partijiet waqt laqgħa li saret fix-Xewkija, Għawdex fil-15 ta’ Settembru 2026.
Wara dik il-laqgħa, il-GWU kienet ħarġet bi qbil ċar li l-ebda impjegat ma kien se jitkeċċa. Fil-fatt, qabel il-laqgħa kienet ġiet ikkunsidrata mill-ġdid id-deċiżjoni dwar it-terminazzjoni ta’ żewġ impjegati, liema ittri ta’ terminazzjoni ġew irtirati.
Għaldaqstant, il-GWU tesprimi d-diżappunt u t-tħassib serju tagħha dwar id-deċiżjoni sussegwenti li ttieħdet, li skont il-Union tmur direttament kontra l-qbil li kien intlaħaq bejn il-partijiet.
Wara l-laqgħa tal-15 ta’ Settembru, il-GWU kienet taħt l-impressjoni li kien hemm rieda ġenwina biex il-partijiet jimxu ’l quddiem u jkomplu d-diskussjonijiet lejn negozjar ta’ Ftehim Kollettiv ġdid. Fil-fatt, il-Union kienet diġà fil-proċess li tħejji abbozz ta’ proposti sabiex tiffaċilita djalogu kostruttiv.
Madankollu, fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti, u b’mod partikolari minħabba li dmirijiet li tradizzjonalment jitwettqu mis-security staff qed jiġu assenjati lill-care staff, il-GWU ma kellhiex alternattiva oħra ħlief li tiddikjara formalment Tilwima Industrijali.
B’effett immedjat, il-GWU ħarġet direttiva lill-care staff sabiex ma jwettqux dmirijiet li jaqgħu barra mid-deskrizzjoni tax-xogħol tagħhom.
Il-GWU tinsisti li l-ħaddiema m’għandhomx jintalbu jerfgħu responsabbiltajiet li għalihom la ġew impjegati u lanqas imħarrġa.
It-Tilwima Industrijali qed tiġi rreġistrata wkoll mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER).
Il-GWU tirriżerva d-dritt li toħroġ aktar direttivi u li teskala l-azzjoni industrijali jekk is-sitwazzjoni tibqa’ ma tissolviex.
Il-Union jiddispjaċiha li s-sitwazzjoni waslet f’dan l-istadju, partikolarment wara d-diskussjonijiet pożittivi li saru fil-15 ta’ Settembru. Minkejja dan, il-GWU tibqa’ temmen li d-djalogu sinifikanti, ir-rispett reċiproku u l-osservanza tal-ftehim milħuq bejn il-partijiet huma l-unika triq kostruttiva ’l quddiem.
Il-GWU tibqa’ disponibbli għal diskussjonijiet bil-għan li din it-tilwima tissolva b’mod ġust u raġonevoli.












