Tħabbret il-mewt tal-Prof. Edward de Bono, il-persuna li oriġina t-terminu ‘il-Ħsieb Laterali.’ Fost il-ħafna kotba li kiteb huwa baqa’ magħruf għall-ktieb “Six Thinking Hats”. Għadd ta’ kotba li kiteb ġew tradotti f’46 lingwa differenti.
De Bono kien kollaboratur u anke ħabib ma’ uffiċjali għolja tal-GWU. Din il-kollaborazzjoni waslet għall-ftuħ ta’ ċentru għat-tagħlim bl-isem GWU – Edward De Bono Thinking Centre nawgurat minnu stess. L-għalliema li kienu jgħallmu f’dan iċ-ċentru kienu kollha liċenzjati minn de Bono nnifsu. Huwa ħarreġ numru kbir ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema u anke ufficjali tal-GWU fil-‘Hsieb Laterali’ ġewwa l-Union.
Il-Professur de Bono, li kien tabib, miet nhar l-Erbgħa li għadda fl-età ta’ 88 sena. Huwa kien meqjus bħala fost l-aqwa mħuħ fid-dinja tant li kien wieħed mill-aktar persuni fid-dinja li kkontribwixxa b’mod effettiv ħafna għall-ġid tal-umanità. Huwa ħadem ħafna wkoll favur it-trejdjunjoniżmu.
Huwa se jibqa’ magħruf għall-invenzjoni tiegħu, il-proċess tal-‘Ħsieb Laterali’ u kif dan fost oħrajn jista’ jkun użat b’mod effettiv għall-bidla fl-imġiba tal-ħsieb. Il-GWU ssellem il-memorja tiegħu u tagħti l-kondoljanzi lill-familjari tiegħu.