Is-settur tal-industrija tal-kostruzzjoni rat tkabbir kontinwu fl-ekonomija ta’ pajjiżna, sena wara sena. Madankollu, hija wkoll waħda mill-aktar setturi ekonomiċi kontroversjali ta’ Malta.
L-aħħar snin irriżultaw f’numru ta’ inċidenti u anke mwiet relatati mal-kostruzzjoni. Dan kollu wassal għal sejħiet għal standards aħjar, u anke liċenzjar tal-kuntratturi.
Il-GWU ilha għal dawn l-aħħar snin tisħaq fuq liċenzjar tal-kuntratturi. Fil-fatt fil-proposti għall-partiti politiċi nkludiet li kull kuntrattur ikollu liċenzja u li l-ħaddiema kollha jkollhom l-iSkill Cards. Għalhekk aktar minn xahar ilu, il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar nieda konsultazzjoni pubblika dwar Avviż Legali li joffri qafas għal-Liċenzjar tal-Kuntratturi.
Konsultazzjoni li ngħalqet proprju nhar il-Ġimgħa, dwar l-abbozz ta’ Avviż Legali li se jkun qed jobbliga li kuntratturi li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni, fit-twaqqigħ, skavar u bini jaħdmu biss b’liċenzja. Dan l-Avviż Legali se jkun qed iwassal biex fis-settur tal-kostruzzjoni jkun hemm kwalità ogħla ta’ xogħlijiet u aktar infurzar.
Il-GWU li kienet vuċi prominenti fit-talba għal numru ta’ regoli li jissalvagwardjaw il-ħaddiema f’din l-industrija, kkonkorriet ukoll billi għaddiet il-proposti tagħha permezz ta’ rapport estensiv għat-tibdil meħtieġ. Proposti bil-għan li jipprovdu għarfien dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija u li jagħmlu s-siti tal-kostruzzjoni aktar sikuri.
Fir-rapport li pprovda l-opinjoni tal-General Workers’ Union dwar l-impatt tar-Regolamenti tal-Liċenzjar tal-Industrija tal-Kostruzzjoni tal-2023 fuq l-industrija u l-ħaddiema tagħha ngħataw proposti kruċjali li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati, bħall-espansjoni tad-definizzjoni ta’ tagħmir iċċertifikat li jinkludi wkoll it-tagħmir tas-saħħa u s-sigurtà, li tingħata importanza akbar lill-iSkill Cards, l-introduzzjoni ta’ sostitut li jkollu liċenzja wkoll, u l-assigurazzjoni li l-ħaddiema kollha fis-siti ta’ kostruzzjoni jkollhom il-kwalifiki u t-taħriġ meħtieġa. Fuq kollox il-GWU tisħaq li s-saħħa u s-sigurtà kemm gall-ħaddiema kif ukoll għal terzi għandha tkun waħda mill-pilastri.
Fosthom innotat li s-sezzjoni jeħtieġ li tinkludi aċċenn għall-iSkill Cards. Dawn għandhom rwol kruċjali biex jiggarantixxu li l-ħaddiema jkollhom it-taħriġ u l-kwalifiki meħtieġa biex iwettqu xogħolhom b’mod sigur, inaqqsu l-possibbiltà ta’ inċidenti u korrimenti, u jipproteġu kemm lill-ħaddiema kif ukoll lill-pubbliku.
Barra minn hekk, bosta proġetti ta’ kostruzzjoni huma suġġetti għal regolamenti u standards li jeħtieġu kwalifiki u ċertifikazzjonijiet speċifiċi tal-ħaddiema. L-iSkill Cards jistgħu jservu bħala prova li kull ħaddiem jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.
Fid-dawl tal-fatt li l-industrija qed tevolvi kontinwament, anke t-taħriġ u l-iSkill Cards. Bħal kull Skill Card oħra, apparti korsijiet ta’ aġġornament biex wieħed iżomm ruħu aġġornat mal-immodernizzar tal-industrija, jistgħu wkoll jiġu introdotti suġġetti ġodda relevanti għall-industrija.
Hekk kif il-liġi li tirregola l-iSkill Cards għad trid tiġi approvata, hemm problema li ma jeżistux standards ċari li wieħed jista’ jikkwalifika għalihom biex jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni. Għalhekk, il-GWU pproponiet li dawn ir-regolamenti jagħtu importanza akbar lill-iSkill Cards u jirrikjedu li l-kuntratturi jiżguraw li l-impjegati bi Skill Cards biss jitħallew jaħdmu fuq is-siti tal-bini.
Barra hekk il-GWU taqbel li kull kuntrattur ikollu assigurazzjoni li tkopri lill-ħaddiema kontra kull tip ta’ inċident li jista’ jseħħ waqt ix-xogħol tagħhom.
Barra minn hekk, ipproponiet li l-liġi dwar l-iSkill Cards tiġi nkluża flimkien mal-liġi li tirregola l-kuntratturi. Bl-implimentazzjoni tal-iSkill Cards jistgħu jtejbu l-kwalità tax-xogħol fl-industrija, jippromwovu s-sigurtà, u jtejbu r-reputazzjoni ġenerali tas-settur.
Il-GWU temmen li dawn il-proposti jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-ħaddiema, is-sigurtà tax-xogħol, u l-kompetizzjoni ġusta fl-industrija.
Tinsab sodisfatta bl-introduzzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Liċenzjar fl-Industrija tal-Kostruzzjoni 2023, peress li jirrappreżentaw pass ‘il quddiem biex jirregolaw il-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni.