Wara diversi laqgħat bejn l-Uffiċjali tas-Civil Protection Union (CPU) u Uffiċjali mill-General Workers’ Union (GWU), ġie maqbul li l-GWU tilqa’ fi ħdanha lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Dan wara li l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema konċernati kienu favur din l-affiljazzjoni.
Iż-żewġ unjins minn dejjem kellhom relazzjoni tajba ħafna u rispett reċiproku, kif ukoll prinċipji allinjati iżda din l-affiljazzjoni żgur se ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat kif ukoll tkun ta’ benefiċċju għal titjieb fil-kundizzjonijiet.
L-Uffiċjali tas-CPU qalu li jħossuhom onorati li jiġu affiljati mal-GWU u li wara d-diskussjonijiet kollha li kellhom fl-aħħar il-ħsieb tagħhom qed jarawh isir realtà. Huma jemmnu bis-sħiħ li għalkemm bħala unjin żgħira rnexxielhom itejbu u jġibu diversi kundizzjonijiet għall-ħaddiema tagħhom, permezz ta’ dan il-pass se jkunu jistgħu jimxu aktar ‘il quddiem.
Is-Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU Theo Vella saħaq li t-Taqsima tħossha privileġġjata li se tassisti lil dawn il-ħaddiema wkoll u qed tħares ‘il quddiem b’ħerqa sabiex din il-ħidma tissokta u jikkollaboraw flimkien għall-ġid tal-ħaddiema konċernati.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja qal li filwaqt li japprezza u jħossu kburi bl-għaqda li teżisti bejn dawn iż-żewġ unjins, jara li din l-affiljazzjoni tista’ toħloq ħafna ġid.
“Kull ftehim kollettiv huwa xi ħaġa ħajja hekk kif id-dinja tax-xogħol qed dejjem tinbidel, u għalhekk dejjem se jkun hemm ħtieġa li jsir it-tibdil meħtieġ. Permezz ta’ din l-affiljazzjoni nħossni onorat li issa t-Taqsima għandha membri mill-Korpi Dixxiplinati kollha ta’ pajjiżna,” qal is-Sur Bugeja.
Preżenti wkoll il-President tas-CPU David Cassar u diversi membri oħra tal-Kumitat ċentrali tal-istess unjin.