Il-GWU: Ir-robots mhumiex is-soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tal-ospitalità

24 Aug 2026 - Aħbarijiet | Għaqda Pensjonanti | Home | Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi | Taqsimiet

Il-GWU: Ir-robots mhumiex is-soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tal-ospitalità

Il-General Workers’ Union (GWU) tinsisti li l-introduzzjoni ta’ robots bħala wejters mhijiex is-soluzzjoni xierqa għan-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tal-ospitalità. Filwaqt li l-GWU tirrikonoxxi l-benefiċċji tat-teknoloġija, tisħaq li din għandha tintuża biex tassisti lill-ħaddiema u mhux biex tissostitwixxi l-element uman li huwa essenzjali f’dan is-settur.

It-turiżmu jsostni madwar 48,000 impjieg u jirrappreżenta aktar minn 10% tal-Prodott Domestiku Gross ta’ Malta. Is-suċċess tiegħu ma jiddependix biss fuq l-effiċjenza, iżda wkoll fuq l-ospitalità, il-komunikazzjoni u l-attenzjoni personali li l-ħaddiema jagħtu lill-klijenti.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, qal li l-Union mhijiex kontra l-progress teknoloġiku, iżda temmen li dan għandu jservi lill-bniedem.

“It-teknoloġija tista’ tgħin biex jitnaqqas il-piż tax-xogħol u biex is-servizz isir aktar effiċjenti. Madankollu, robot jista’ jwassal platt, iżda ma jistax jilqa’ lill-klijent bi tbissima, jiftakar ismu jew iġiegħlu jħossu milqugħ. L-ospitalità hija industrija mibnija fuq in-nies u fuq il-kuntatt uman,” qal Camilleri.

Huwa sostna li qabel ma wieħed jitkellem dwar is-sostituzzjoni tal-ħaddiema, għandhom jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet li qed iwasslu għan-nuqqas ta’ persuni interessati li jaħdmu fis-settur.

“Irridu ninvestu f’pagi aħjar, kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi, taħriġ u opportunitajiet ta’ karriera. Jekk irridu nattiraw u nżommu aktar ħaddiema fl-ospitalità, irridu nagħmlu s-settur aktar sostenibbli u attraenti,” kompla jgħid is-Segretarju Ġenerali.

Il-GWU temmen ukoll li Malta għandha tagħmel użu aħjar mill-potenzjal tas-silver economy. Ħaddiema akbar fl-età għandhom esperjenza u ħiliet siewja li jistgħu jibqgħu jikkontribwixxu permezz ta’ xogħol flessibbli, taħriġ kontinwu u skemi li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni gradwali lejn l-irtirar.

Camilleri temm jgħid: “Id-diskussjoni dwar il-futur tal-ospitalità għandha ssir mal-ħaddiema u mar-rappreżentanti tagħhom. Il-futur tax-xogħol ma jistax jinbena billi nwarrbu lill-bniedem, iżda billi nużaw it-teknoloġija b’mod responsabbli biex intejbu l-kwalità tax-xogħol u tas-servizz.”

Il-GWU tibqa’ favur soluzzjonijiet serji u fit-tul li jpoġġu lill-ħaddiema fiċ-ċentru, isaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u jħarsu l-kwalità tal-prodott turistiku Malti.

« Back