Billi Malta ma narawx nies reqdin fit-triq bl-istess ammont li naraw barra minn xtutna ma jfissirx illi f’pajjiżna ma hawnx faqar. Kulħadd jista’ jara li l-gvern flimkien mal-Unions ħadmu ħafna biex jagħtu d-dħul u l-affarijiet bażiċi u dinjità lil kulħadd. Però dan ma jeskludix illi hawn nies ibatu minn faqar differenti barra dak ekonomiku.
Il-faqar ekonomiku huwa meta individwi ma jkollhomx flus biżżejjed għall-ikel, ħwejjeġ u saqaf fuq rashom.
Meta nisimgħu l-kelma faqar awtomatikament naħsbu fuq il-faqar ekonomiku però sfortunatament hawn ħafna tipi differenti ta’ faqar;
- Faqar fiżiku – nuqqas ta’ saħħa fiżika u nuqqas ta’ aċċess għal servizzi tas-saħħa medika
- Faqar mentali – persuni mingħajr aċċess għall-edukazzjoni
- Faqar kulturali – individwi li jħossuhom maqtugħin mill-bqija tas-soċjetà
- Faqar spiritwali – persuni li jħossu nuqqas ta’ għaqda
- Faqar politiku – individwi li ma jkunux jafu kif taħdem is-sistema u jinqatgħu lura
- Faqar soċjali – individwi b’nuqqas ta’ komunikazzjoni ma’ nies oħrajn
- Faqar emozzjonali – meta persuni jsibuha diffiċli biex jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet negattivi mingħajr ma jagħmlu ħsara lilhom infushom u persuni ta’ madwarhom
Il-faqar jista’ jkun dak assolut jew relattiv. Faqar assolut jista’ jonqos u jiżdied skont kif is-soċjetà ġġib ruħha madwar dawn l-individwi però faqar relattiv jinbidel skont it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż.
Is-soċjetà timxi b’mod mgħaġġel ħafna u ħafna drabi tħalli warajha l-individwi vulnerabbli li twassal għal rata għolja ta’ solitudni. Huwa hawnhekk fejn tidħol il-GWU u x-xogħol kollu li tagħmel. Il-Union ma taħdimx għad-drittijiet tal-ħaddiema biss però taħdem għall-individwi u d-drittijiet tagħhom barra l-postijiet tax-xogħol ukoll u anke wara li jilħqu l-età tal-pensjoni.
Il-GWU kienet il-Union fejn ħadmet biex kulħadd ikollu aċċess għall-edukazzjoni u llum il-Union toffri 67 kors akkreditati minn żewġ istituzzjonijiet. Dawn il-korsijiet huma provduti biex individwi u ħaddiema jkollhom iċ-ċans jimxu ʼl quddiem professjonalment u ekonomikament li eventwalment tgħinhom fuq ħafna livelli soċjali u jwassal biex jonqos il-faqar;
- Tlaqqagħhom ma’ nies ġodda u tgħinhom ikabbru ċ-ċirku fis-soċjetà fejn iħossuhom inklużi
- Tgħallimhom x’inhuma d-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom
- Tgħinhom jifhmu iżjed kif taħdem is-sistema u jkunu preparati minn qabel
Barra dawn il-korsijiet, il-GWU toffri kors akkreditat lir-rappreżentanti tagħha. Il-GWU temmen li l-edukazzjoni hija l-qofol biex il-bniedem joħroġ mill-faqar u jgħix ħajja diċenti.
Krystabel Galea