Iffirmat ftehim għall-ikbar investiment fil-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili

20 Apr 2026 - Aħbarijiet | Dinja u Kronika | Ekonomija | Home | Kummerċ | Politika | Teknoloġija

Iffirmat ftehim għall-ikbar investiment fil-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili

Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili. Ftehim li se jwassal għal titjib sostanzjali fil-progressjoni u l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema. Fost oħrajn, dan il-ftehim b’saħħtu qed jagħti allowance ta’ elf u ħames mitt ewro u żieda minn tal-inqas ta’ elfejn u mitejn ewro fis-sena għal kull uffiċjal.

Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li jħossu kburi li qed immexxi pajjiż li jinvesti bis-saħħa fil-ħaddiema. Il-ftehim kompla jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-progressjoni tal-karriera tal-uffiċjali f’dan il-korp tant importanti għall-pajjiżna.

Dr Abela spjega li dan il-ftehim huwa wieħed minn kważi 140 ftehim li ġew konklużi sa mill-2022 ’l hawn. Fl-istess waqt il-Prim Ministru nnota kif f’żidiet biss, il-Gvern investa madwar żewġ biljun ewro – investiment b’saħħtu fil-ħaddiema u li sar possibbli bis-saħħa tal-ekonomija b’saħħitha li għandu pajjiżna. Dan huwa ftehim ieħor għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, wara dak iffirmat fl-2021.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li kienet din l-amministrazzjoni li bidlet il-liġi fl-2015, biex il-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati ngħataw id-dritt li jissieħbu f’unjin, u b’hekk infetħet it-triq biex bdew jiġu nnegozjati u ffirmati dawn il-ftehimiet.

Il-Prim Ministru qal li dan huwa eżempju konkret ta’ kif il-prinċipji soċjali favur il-ħaddiema u l-familji qed jissarrfu f’miżuri tanġibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja. Huwa saħaq li minkejja l-isfidi internazzjonali li qed taffaċċja d-dinja, pajjiżna qed jibqa’ joffri stabbiltà, serħan il-moħħ u pjanijiet b’saħħithom għal setturi importanti bħal dak tal-Protezzjoni Ċivili.

Dr Abela rringrazzja lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili għad-dedikazzjoni u x-xogħol siewi tagħhom, filwaqt li nnota kif dawn ikunu minn tal-ewwel li jwieġbu f’mumenti ta’ emerġenza u sfidi, kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.

Huwa semma l-investiment li l-Gvern qed ikompli jagħmel f’dan il-korp permezz ta’ aktar tagħmir, vetturi speċjalizzati, għodod moderni u titjib fl-istazzjonijiet, biex il-pajjiż ikun aktar preparat.

Il-Prim Ministru temm jgħid li dan il-ftehim mhuwiex biss investiment fil-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, iżda parti minn viżjoni usa’ ta’ Gvern li jrid ikompli joħloq il-ġid ekonomiku u jissarraf f’opportunitajiet aħjar għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, qal li meta jsalvaw jew jipproteġu, forsi l-kelma prosit dawn il-haddiema jisimgħuha ħafna, “U jkun ħaqqkom. Però bħala Gvern nemmnu li l-prosit għandna mhux biss ngħiduh, iżda nwettquh bil-fatti. Għaliex verament napprezzaw li tagħmlu, iżda aktar minn hekk dejjem irridu li nkunu f’pożizzjoni aħjar biex insalvaw u nipproteġu – għaliex fl-aħħar mill-aħħar tgawdi s-soċjetà Maltija u Għawdxija.”

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li “llum ġie ffirmat l-aqwa ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili mhux biss għall-kundizzjonijiet tax-xogħol imma anke għax ħloqna karrieri. Dawn huma ħaddiema li jagħmlu sagrifiċċji kbar u anke jipproteġuna. B’mod konkret qed intejbulhom il-kundizzjonijiet biex iħossuhom tassew stmati għax-xogħol li jagħmlu kontinwament fejn ħaddieħor ma jkunx jista’ jmur.” 

Is-Segretarju Ġenerali (Designate) tal-GWU Kevin Camilleri qal li llum qed naraw ftehim kollettiv ieħor li se jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema. “Il-ħaddiema jafu r-riskji li dawn jaħdmu fihom. Għaldaqstant għandna ftehim ieħor li jirrikonoxxi x-xogħol li jagħmlu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili. Niringrazzja lil dawk kollha involuti. Flimkien qed nerġgħu nuru li meta jkun hemm għan wieħed li aħna rridu naslu biex intejbu l-kundizzjonijiet, iwasslu għal riżultati bħal dak tal-lum,” qal Camilleri. 

Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU Theo Vella qal: “sodisfazzjon ieħor għall-Korpi Dixxiplinati. Għamilna tibdil fil-kbir fl-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili. Allowances ġodda. Allowances miżjuda u ħafna affarijiet oħra li se jibbenefikaw minnhom dawn il-ħaddiema flimkien mal-familji tagħhom.”

Preżenti f’isem il-GWU kien hemm ukoll il-President Jason Deguara u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela. 

« Back