Il-ftehim kollettiv ġdid għall-uffiċjal korrettivi kien meqjus bħala wieħed “storiku” minħabba l-fatt li dawn il-ħaddiema qed jingħataw benefiċċji li qabel ma kellhomx billi l-kundizzjonijiet tagħhom kienu staġnati. Dawn il-benefiċċji ngħatawlhom wara kważi 30 sena li matulhom ma kellhom l-ebda ftehim kollettiv.
F’kummenti ma’ inewsmalta.com, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi Theo Vella, filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv, qal li l-ħaddiema kellhom rispons pożittiv ħafna għal dan il-ftehim.
“Il-ħaddiema sodisfatti ħafna b’dan il-ftehim. Dawn kienu ħaddiema illi l-aħħar kundizzjonijiet li kienu imponew fuqhom fl-1994 kienu saħansitra inferjuri minn dawk li kellhom fis-servizz pubbliku,” qal Vella.
Huwa tenna li l-ftehim settorjali li kellhom dawn il-ħaddiema ma kienx itejjeb fuq dak tas-servizz pubbliku imma saħansitra jnaqqas. Qal li kien għal din ir-raġuni li n-negozjati ħadu fit-tul.
“Il-pakkett kellu jkun wieħed straordinarju għar-raġuni li waqgħu lura ħafna l-kundizzjonijiet. Kellna nikkoreġu l-ħażin kollu ta’ qabel biex nagħtu valur xieraq għaċ-ċirkostanzi tal-lum,” qal Vella.
Huwa kompla jispjega kif il-kunċett tal-40 siegħa xogħol, minnu nnifsu kien ifisser li r-rata normali tal-pagi u r-rata tas-sahra ssaħħu mill-ewwel bi 15%.
“Jekk jaħdmu dawk is-sitt sigħat żejda fil-ġimgħa, se jiġu kkumpensati tagħhom. Jekk dawn ma kellhomx class allowance jew shift allowance, illum tajniehom dan,” tenna s-Segretarju Vella.
Huwa tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-uffiċjali korrettivi, u qal li x-xogħol li jagħmlu lejn is-soċjetà u s-sigurtà nazzjonali lanqas hemm kliem biex tikkwantifikah.
“Għalhekk mhux ġust li jkun hemm kritika lejn dawn il-ħaddiema u l-awtorità tal-ħabs. Meta tikkritika l-awtorità tal-ħabs, qed tikkritika lill-ħaddiema. L-awtorità, taħt it-tmexxija tal-Kurunell Dalli, reġgħet tat l-istima lill-uffiċjal. Issa kien imiss il-pakkett finanzjarju.”
“Dan huwa ftehim storiku, li jkopri l-perjodu 2020-2024, li rridu nżommuh ħaj. Allura huwa importanti li l-ħaddiema jibqgħu jingħaqdu fl-union għax fi ftit snin oħra rridu nerġgħu niftħuh,” qal is-Segretarju Vella li semma kif b’dan il-ftehim inħolqot struttura ġdid ta’ gradi fejn se jkun hemm l-opportunità biex il-ħaddiema javvanzaw fil-karrieri tagħhom.
Waqt li qal li dan is-suċċess inkiseb grazzi għall-koperazzjoni tal-partijiet kollha involuti inkluż il-Gvern, il-GWU f’isem il-ħaddiema u l-amministrazzjoni tal-ħabs, Vella temm iħeġġeġ lin-nies biex ikomplu jappoġġjaw lil dawn il-ħaddiema fix-xogħol tagħhom.
Source: inewsmalta.com