
Issokta l-proċess ta’ tiġdid fil-General Workers’ Union. Dan wara li lbieraħ ġiet approvata l-ħatra tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-GWU, id-Deputat Segretarju Ġenerali u s-Segretarju Internazzjonali waqt Kungress Straordinarju li ttella’ fil-Workers’ Memorial Building.
Dan it-tiġdid fil-GWU, fil-fehma tagħna, se jkompli jagħmel lil din il-unjin aktar dinamika u aktar adatta għaż-żminijiet tal-lum li qed ikunu magħġunin fit-teknoloġija diġitali u l-Intelliġenza Artifiċjali, li qed jibdlu għalkollox il-fiżjonomija tad-dinja tax-xogħol u għaldaqstant, l-impjiegi.
Issa li l-GWU għandha amministrazzjoni ġdida, bla dubju li se tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha favur il-ħaddiema kif ukoll favur dak kollu li jkattar il-ġid komuni, sabiex jisseddaq dak li diġà nbena minn amministrazzjonijiet preċedenti partikolarment l-aħħar waħda li kienet immexxija minn Josef Bugeja.
Tul dawn l-aħħar snin, taħt it-tmexxija ta’ Josef Bugeja, il-GWU rrappreżentat eluf ta’ ħaddiema fl-amministrazzjoni pubblika kif ukoll fis-settur privat, sabiex ġew innegozjati pagi xierqa u kundizzjonijiet aħjar. Kien ukoll protagonist f’diversi tibdiliet leġiżlattivi u fl-introduzzjoni ta’ qafas legali li ta drittijiet ġodda lil bosta ħaddiema, inkluż dawk tal-pjattaforma.
Iżda l-aktar mument li jispikka kienet il-ġlieda biex il-GWU iżżomm il-binja tagħha, il-Workers’ Memorial Building. Il-GWU ħadmet b’determinazzjoni, ċertezza, responsabbiltà u mingħajr konfront bla bżonn u f’dan il-kuntest, il-Qorti tat aktar minn darba raġun lill-GWU. Din kienet tfisser rebħa mhux biss għall-GWU imma għall-ħaddiema kollha u l-moviment trejdunjonistiku.
Għalhekk nirringrazzjaw lil Josef Bugeja tal-ħidma tiegħu fil-perjodu li għamel fit-tmun tal-General Workers’ Union u nawguraw lil Kevin Camilleri fil-kariga ġdida tiegħu bħala Segretarju Ġenerali. M’għandniex dubju li Kevin se jkompli miexi fuq il-passi ta’ Josef u dawk ta’ qablu u se jkompli għaddej bil-ħidma sabiex din l-unjin tkompli tikber u tissaħħaħ.
Fuq kollox, din hi unjin li dejjem qiegħda tiġġedded. Din hi l-unjin li tħares il-futur tal-ħaddiema. Unjin li għandha viżjoni ta’ fejn trid tmur, bi pjan ċar u tim b’saħħtu li jemmen f’din il-missjoni.












