Illum se nkomplu nfakkru dak li ġara fil-Konferenza Ġenerali tal-GWU Għaqda Pensjonanti. Illum imiss siltiet mill-ewwel diskors ta’ Tony Zarb bħala Segretarju tal-GWU-Għaqda Pensjonanti u kummenti oħra li saru minn dawk preżenti.
Is-Segretarju l-ġdid tal-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-GWU, Tony Zarb fisser kif bil-Konferenza Ġenerali li ttellgħet ftit tal-ġranet ilu, l-Għaqda kienet qed tikteb paġna oħra fil-ktieb tal-istorja tagħha li għalkemm din hija paġna ġdida madanakollu hi wkoll kontinwazzjoni għax se tkompli tibni fuq it-tajjeb kollu li sar qabel.
Huwa qies il-kariga li ngħata, dik ta’ Segretarju tal-Għaqda, bħala unur u privileġġ għalih billi se timlieh bil-ħeġġa mhux biss biex jibqa’ jservi fil-GWU imma billi wkoll se jkun ta’ servizz għall-pensjonanti li jirrikorru għall-għajnuna mingħand l-Għaqda fi ħdan il-GWU.
Tony Zarb fakkar ukoll fil-ħidma tiegħu mifruxa fuq 44 sena fi ħdan il-GWU, u qal li din il-ħatra se tkun l-aħħar waħda tiegħu u li biha se jgħaqqad il-kullana ta’ ħidmietu li misset ma’ kull kariga li huwa kellu fil-GWU inkluż l-ogħla waħda, dik ta’ Segretarju Ġenerali.
“Fi ħdan il-GWU, il-Union li tant inħobb, bdejt bħala membru tal-Kumitat tal-Ħaddiema tal-Bluebell, minn fejn wara ġejt maħtur shop steward u iktar tard membru tal-eżekuttiv u rappreżentant tat-Taqsima fil-Kunsill Nazzjonali. Għamilt ukoll żmien nimmilita fl-Għaqda Żgħażagħ tal-Union sakemm fl-1985 ġejt impjegat mal-Union bħala Junior Secretary.
Il-mixja tiegħi fil-GWU kompliet u nħtart Segretarju tat-Taqsima Port u Trasport, kariga li domt fiha sakemm ġejt maħtur Deputat Segretarju Ġenerali u wara, għal sittax-il sena sħaħ, kelli x-xorti u l-privileġġ li mmexxi lill-GWU bħala Segretarju Ġenerali.”
Huwa żied jgħid li issa, li daħal għal din ir-responsabbiltà ġdida, wiegħed li flimkien ma’ oħrajn fi ħdan l-Għaqda pensjonanti se jkompli jaħdem bla heda sabiex l-Għaqda mhux biss tibqa’ tkun l-ikbar waħda tal-pensjonanti f’Malta imma wkoll li tibqa’ tkun ta’ wens tal-pensjonanti u l-anzjani Maltin u Għawdxin kollha.
Tony Zarb kompla jgħid li fl-għaxar xhur li għaddew sakemm inħatar fil-kariga ta’ Segretarju tal-Għaqda sab l-għajnuna u l-appoġġ kollu mill-Amministrazzjoni u l-Kumitat tal-Għaqda u stqarr li matul dan il-perjodu huwa kompla jitħarreġ dwar il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tal-pensjonanti.
Lejn tmiem id-diskors tiegħu, Tony Zarb enfasizza l-isfidi ġodda li għandha quddiemha l-Għaqda Pensjonanti u qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed iressaq għad-diskussjoni proposti dwar kif jista’ jkomplu jitjiebu s-servizzi li diġà toffri l-Għaqda u kif magħhom jistgħu wkoll jiżdiedu servizzi oħra ġodda biex l-Għaqda tkompli tersaq aktar viċin tal-pensjonanti u l-anzjani.
Huwa temm billi qal li b’ħidmietha l-Għaqda Pensjonanti għamlet impatt fuq livell nazzjonali tant li b’din il-ħidma saru diversi kisbiet li minnhom illum qed igawdu l-anzjani.
Wara l-Konferenza – Sammy Meilaq
Li l-Għaqda hi ta’ servizz kbir huwa evidenti. Dan joħroġ mill-ħidma kbira li dejjem għamlet. L-Għaqda ilha tiffunzjona aktar minn 30 sena u diġà għandha storja twila warajha. Din hija l-akbar Għaqda tal-Pensjonanti f’Malta. Għamlet ħafna sottomissjonijiet lill-Gvern tal-ġurnata fejn jidħlu drittijiet tal-pensjonanti u rnexxielha tirranġa għadd ta’ anomaliji. L-Għaqda torganizza wkoll ħafna attivitajiet soċjali għall-anzjani. Bla dubju hija funzjoni importanti ħafna. Is-sħubija fl-Għaqda ma tiswiex ħafna flus. Meilaq iħeġġeġ lill-pensjonanti Maltin kollha li jissieħbu f’din l-Għaqda.
Żewġ Attivitajiet Suċċess
Wara s-suċċess bl-ewwel Attività Edukattiva wara żmien twil, kien imiss li l-Għaqda torganizza l-ewwel Attività Soċjali wara żmien twil ukoll u dan meta ġiet organizzata attività ta’ Breakfast fid-Danish Village kienet attività li matula dawk preżenti ħadu pjaċir ħafna u dan ħareġ mill-kummenti ferm pożittivi li saru kemm waqt l-Attività kif ukoll fuq il-medja soċjali. Il-Kumment ġenerali minn dawk preżenti kien “Għamluna iżjed Attivitajiet” ir-risposta min-naħa tagħna kienet “Iva bil-Qalb kollha hekk se nagħmlu”
Matul Attivitajiet ġew miżmuna r-regoli tas-saħħa.