
Laqgħa mal-Kummissarju Għoli tal-Indja għal Malta, Rachita Bhandari
Il-General Workers’ Union (GWU) tenniet l-impenn tagħha li tkompli tħares id-drittijiet u l-interessi tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jaħdmu legalment f’Malta, filwaqt li tippromwovi kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni kontra kull forma ta’ abbuż u sfruttament.
Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt laqgħa li l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-GWU kellha mal-Kummissarju Għoli tal-Indja għal Malta, l-Eċċellenza Tagħha Rachita Bhandari. Il-laqgħa serviet ukoll biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat dwar kwistjonijiet li jolqtu lill-ħaddiema Indjani u lil ħaddiema oħra minn pajjiżi terzi f’Malta.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, enfasizza l-kontribut importanti tal-ħaddiema barranin għall-ekonomija Maltija, partikolarment fid-dawl tat-tkabbir ekonomiku u d-domanda dejjem tikber għall-ħaddiema f’diversi setturi.
Camilleri sostna li dan il-kontribut għandu jkun akkumpanjat minn ħarsien adegwat tad-drittijiet tagħhom, filwaqt li tenna l-impenn tal-GWU li tkompli tkun vuċi b’saħħitha kontra l-isfruttament u t-trattament inġust, irrispettivament min-nazzjonalità tal-ħaddiema.
L-isfidi li jaffaċċjaw il-ħaddiema minn pajjiżi terzi
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Abela, tkellem dwar id-diffikultajiet li jaffaċċjaw dawn il-ħaddiema, partikolarment dawk marbuta ma’ proċeduri amministrattivi u legali.
Fosthom semma każijiet pendenti fl-istadju tal-appell, fejn il-ħaddiema kkonċernati ma jkunux jistgħu jaħdmu sakemm tingħata deċiżjoni finali. Huwa enfasizza l-ħtieġa li dawn is-sitwazzjonijiet jiġu indirizzati sabiex titnaqqas l-inċertezza li tista’ taffettwa l-għajxien u l-istabbiltà finanzjarja tagħhom.
Il-Kummissarju Għoli tal-Indja tirrikonoxxi l-kontribut tal-ħaddiema Indjani
Il-Kummissarju Għoli tal-Indja, Rachita Bhandari, enfasizzat il-kontribut siewi tal-ħaddiema Indjani għall-ekonomija u s-soċjetà Maltija, filwaqt li sostniet li m’għandhomx jiġu promossi narrattivi negattivi jew diskriminatorji fil-konfront tagħhom minħabba n-nazzjonalità tagħhom.
Hija rringrazzjat lill-GWU għall-ħidma tagħha favur dawn il-ħaddiema u saħqet fuq l-importanza li tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat, sabiex jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema barranin.
Konferenza dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema barranin
Matul il-laqgħa, is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU, Brian Bonnici, irrefera għall-konferenza miftuħa “Staying in Malta: Your Rights and Duties”, li se tiġi organizzata mill-GWU b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Għolja tal-Indja f’Malta, nhar il-Ħamis, 5 ta’ Novembru 2026, fil-binja tal-GWU fil-Belt Valletta.
Il-konferenza se tkun miftuħa għall-ħaddiema u r-residenti internazzjonali f’Malta, inklużi membri tal-komunità Indjana u persuni minn pajjiżi terzi. L-għan huwa li l-parteċipanti jkollhom opportunità jiksbu informazzjoni, iqajmu mistoqsijiet u jiddiskutu t-tħassib tagħhom direttament ma’ rappreżentanti ta’ awtoritajiet u organizzazzjonijiet ewlenin.
Fost il-parteċipanti se jkun hemm rappreżentanti ta’ Identità, id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER), il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, l-Awtorità tad-Djar, il-GWU u Jobsplus.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll l-Uffiċjal responsabbli mill-ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs) fi ħdan il-GWU, Manav Sanger.
Il-GWU ttenni l-impenn tagħha li tkompli taħdem favur ambjent tax-xogħol fejn kull ħaddiem, irrispettivament mill-oriġini tiegħu, ikun trattat b’dinjità u rispett, u jkollu d-drittijiet tiegħu mħarsa.













