Fil-jiem li għaddew il-midja rrappurtat li numru ta’ infermiera ġew aggrediti minn pazjent aggressiv nhar is-Sibt li għadda fl-Isptar Mater Dei.
It-Taqsima GWU Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi qalet li fost il-ħaddiema aggrediti kien hemm ukoll Uffiċjal tas-Sigurtà ta’ sess femminili li sofriet feriti f’wiċċha u idha, dawn il-feriti wasslu għal kumplikazzjonijiet oħrajn u qed isiru diversi eżamijiet mediċi fuq l-Uffiċjal inkwistjoni.
Minkejja din l-aggressjoni l-Uffiċjali tas-Sigurtà flimkien ma’ ħaddiema oħra rnexxilhom iwaqqfu lill-aggressur u l-każ qed ikun investigat mill-Pulizija.
It-Taqsima wriet solidarjetà mal-Ufficjal tas-Sigurtà aggredita u rringrazzja lill-Ufficjali tas-Sigurtà kollha tal-ħidma tagħhom li jwettqu sabiex ikollna l-bon ordni.