Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-GWU żgħażagħ li seħħet ftit tal-ġranet ilu, inħatar it-tim eżekuttiv ġdid għas-sena 2021. L-eżekuttiv huwa magħmul minn 10 persuni li kull wieħed u waħda minnhom ikollhom kariga differenti. Għall-ewwel darba fl-Istorja, din is-sena spikka kif dan l-eżekuttiv għandu żgħażagħ femminili daqskemm għandu żgħażagħ maskili.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, flimkien mad-Deputat Segretarju, Kevin Camilleri. It-tnejn li huma faħħru l-ħidmiet imwettqa mill-fergħa żagħżugħa u awguraw lill-eżekuttiv il-ġdid għal dan it-tragward.
Josef Bugeja tkellem dwar kif il-pandemija laqtet lill-ħaddiema kollha, speċjalment liż-żgħażagħ li jkunu għadhom deħlin fid-dinja tax-xogħol kif ukoll l-istudenti li jkunu għaddejjin bl-istudji tagħhom li finalment iwassluhom għall-karrieri tagħhom. Huwa semma kif ix-xogħol tal-GWU Youths baqa’ għaddej għaliex; “qed naraw anki l-influss ta’ apprentisti qed iħalli impatt fil-kurituri tal-GWU. F’organizzazzjoni li għandha 77 sena affettwaw ħafna l-ideat u l-mentalità taż-żgħażagħ. Dan narawh ta’ kuljum fil-ħsieb, fil-mentalità u fil-mod ta’ kif nagħmlu l-affarijiet. L-entużjażmu taż-żgħażagħ żgur li jgħin biex jagħti enerġija ġdida lill-GWU.”
Id-Deputat Segretarju, Kevin Camilleri beda billi rringrazzja lill-amministrazzjoni preċedenti ta’ ħidmietha u x-xogħol kollu li twettaq sabiex finalment qegħdin fejn ninsabu issa. Huwa kkonkluda billi qal: “Nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom tal-ħidma. Intom ir-rappreżentanti ta’ għada fil-GWU. Tajjeb li nibqgħu nimirħu, speċjalment fejn tidħol edukazzjoni ħalli l-għarfien fuq it-trade unions iktar jikber.”
Il-President tal-fergħa żgħażagħ, Kurt Zammit kif ukoll is-Segretarju tat-Taqsima, Larinov Muscat flimkien mal-membri tal-eżekuttiv il-ġdid ingħaqdu vuċi waħda billi rringrazzjaw lil Josef Bugeja u lil Kevin Camilleri tal-appoġġ u l-għajnuna li dejjem sabu, kemm minn għandhom kif ukoll mingħand is-segretarji tat-taqsimiet oħrajn fi ħdan il-GWU.
L-eżekuttiv il-ġdid se jkun magħmul minn:
President – Kurt Zammit
Segretarju tat-Taqsima – Larinov Muscat
Assistent Segretarju tat-Taqsima – Matthew Seychell
Uffiċjal għall-Finanzi – Laura Demanuele
Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi – Miguel Agius
Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Nazzjonali – Chris Theuma
Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Internazzjonali – Luana Cauchi
Uffiċjal għall-Edukazzjoni – Quren Borg
Uffiċjal għall-Politika Soċjali – Michela Muscat
Uffiċjal għall-Ekonomija Diġitali – Nicole Fenech