Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-istaff domestiku fl-Uffiċċju tal-President

Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-istaff domestiku fl-Uffiċċju tal-President. Il-ftehim jinkludi titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tal-ħaddiema waqt li jirrifletti aħjar ir-responsabbiltajiet speċifiċi tal-ħaddiema fi rwoli varji.

Il-ftehim settorjali ġdid huwa riżultat ta’ xhur ta’ taħditiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, mas-sezzjoni tar-relazzjonijiet industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mal-GWU li kienu strumentali biex jintlaħaq dan il-ftehim.

Il-ftehim kollettiv ġie ffirmat fil-Palazz ta’ Sant’Anton minn Rosette Spiteri Cachia, Segretarju tal-Presidenza, u minn Ian Vella, Uffiċjal Għoli fi ħdan il-fergħa tar-Riżorsi Umani, f’isem l-Uffiċċju tal-President, u minn Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU, George Zahra, Assistent Segretarju tal-istess taqsima u mix-shop steward tal-ħaddiema tal-istaff domestiku fl-Uffiċċju tal-President, Vince Chircop.

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Segretarju Kendrick Bondin qal li dan huwa t-tieni ftehim tax-xorta tiegħu għall-ħaddiema tal-istaff domestiku fl-Uffiċċju tal-President, li qed ikomplu jsaħħaħ fuq il-ftehim ta’ qablu. 

“Rajna li nindirizzaw ċertu affarijiet li kienu kellmuna dwarhom il-ħaddiema. Għaldaqstant, aħna dejjem kellimna lill-membri tagħna, anke ddiskutejna mal-maniġment b’mod professjonali, u kienu sodisfatti bil-ftehim li ppreżentajnielhom u għalqstant illum iffirmajnieh. 

“Dan huwa ftehim li rajna jibni maċ-ċirkostanzi li għandna llum il-ġurnata sabiex il-ħaddiema jkunu kuntenti,” tenna s-Segretarju Bondin. 

Intant, l-Uffiċċju tal-President irringrazzja lil dawk kollha involuti fit-taħditiet u tenna l-apprezzament lejn il-ħaddiema kollha fi ħdanu għas-servizz professjonali, l-impenn serju u d-dedikazzjoni kontinwa tagħhom.

L-Uffiċċju tal-President saħaq li se jibqa’ jirrikonoxxi l-ħidma tal-ħaddiema u joffri motivazzjoni u potenzjal lil dawk li jistinkaw biex itejbu l-karriera tagħhom kemm bl-esperjenza li jiksbu waqt ħidmiethom kif ukoll bit-taħriġ li jiksbu lil hinn mill-post tax-xogħol.