Il-GWU Youths hija Għaqda Volontarja, affiljata u tagħmel parti mill-GWU u tirrapreżenta individwi taħt il-35 sena. L-Għaqda tipparteċipa f’affarijiet Nazzjonali u Internazzjonali fir-rigward taż-żgħażagħ fis-soċjetà. Il-GWU Youths tifforma wkoll parti mill-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ (KNZ) fuq livell Nazzjonali u fil-European Trade Union Confederation (ETUC) fuq livell Ewrospew.
Il-Moviment għall-Ħaddiema Żgħażagħ ġie mwaqqaf fis-27 ta’ Awwissu 1944 wara li l-GWU organizzat rally għall-Ħaddiema Żgħażagħ. L-ewwel kumitat eżekuttiv sar fil-11 ta’ Mejju, 1945. Illum il-ġurnata kull membru tal-GWU taħt l-età ta’ 35 awtomatikament jifforma parti mill-GWU Youths mingħajr ebda ħlasijiet żejda. Il-GWU Youths hija għaqda ffurmata minn studenti, ħaddiema u żgħażagħ li għadhom qegħdin ifittxu xogħol. Iż-żgħażagħ jikkontribwixxu għall-bidla u l-ugwaljanza. Huwa moviment li jgħin biex tippromwovi soċjetà ċivili iżjed inklussiva u sostenibbli.
Għanijiet
L-għanijiet ta’ din l-Għaqda huma mmirati lejn iż-żgħażagħ inġenerali. Permezz tal-GWU Youths, żgħażagħ ta’ kull ġeneru, livell ta’ edukazzjoni u minn kull settur tax-xogħol jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet li jiġu organizzati. Matul dawn l-attivitajiet jingħataw tagħrif fuq id-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol. Apparti minn hekk iċ-ċittadinanza attivà, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà dejjem ikunu l-qalba ta’ dawn l-attivitajiet. Il-GWU Youths għandha fil-mira tagħha ż-żgħażagħ, fejn jiltaqgħu f’ambjent informali, jitgħallmu u jaqsmu l-informazzjoni flimkien. Iż-żgħażagħ jiddiskutu l-esperjenzi tax-xogħol tagħhom u jitgħallmu mill-ħiliet ta’ xulxin u mid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom matul l-istudji tagħhom jew fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan iwassal għall-partiċipanti iżgħar tas-soċjetà biex ikunu iżjed kunfidenti u jtejbu s-self-esteem tagħhom permezz tal-integrazzjoni soċjali.
Dawn l-attivitajiet jipprovdu kunfidenza u joħolqu spirtu ta’ għaqda f’kull individwu. Fl-istess ħin huma ta’ gwida kontra l-peer pressure, ir-responsabbiltà tal-ġenituri, l-istress tal-eżamijiet u c-cyber-bullying. Il-GWU Youths hija punt ta’ kuntatt meta ż-żgħażagħ ikollhom bżonn l-għajnuna.
Finalment, il-GWU Youths tippromwovi ż-żgħażagħ biex isiru ċittadini attivi fi ħdan għaqdiet non-governattivi, fejn huma jingħataw l-opportunità biex ikomplu jikbru fi ħdan l-organizzazzjoni u jikkontribwixxu lejn is-soċjetà u allura jissaħħaħ il-volantarjat f’Malta.
L-għanijiet tal-GWU Youths huma:
- Ittejjeb ix-xogħol volontarjat tal-GWU Youths;
- Tippromwovi d-drittijiet tal-ħaddiema permezz ta’ materjal promozzjonali;
- Tippromwovi x-xogħol volontarjat billi tipprepara ż-żgħażagħ żgħar għall-ambjent tax-xogħol;
- Tinkoraġġixxi iżjed żgħażagħ jidħlu membri fil-GWU Youths fl-istess ħin tippromwovi l-importanza tal-volontarjat fis-soċjetà;
- Toffri l-aħjar ambjent għall-voluntiera żgħażagħ biex ikunu jistgħu jsaħħu l-kompetenzi komunikattivi u ħiliet organizzattivi u ta’ tmexxija.
Viżjoni għaż-Żgħażagħ
L-inizjattiva tal-GWU Youths għandha rabta mal-viżjoni “parteċipazzjoni demokratika akbar, żvilupp ekonomiku u progress soċjali għal kulħadd u bidla inklużiva.”
Il-pjan tal-GWU-Youths:
- Inklużjoni soċjali – issaħħaħ il-well-being u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ li għandhom anqas opportunitajiet minn żgħażagħ oħrajn bħal żgħażagħ minn familji immigranti, żgħażagħ f’riskju ta’ faqar u LGBTIQ;
- Trawwem komunità li tħeġġeġ l-ugwaljanza fis-soċjetà u fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan jirrifletti fil-politika tal-Ugwaljanza u l-Mard Mentali;
- Tinkoraġġixxi u tappoġġja l-integrazzjoni fil-ħajja komunitarja;
- Assistenza fis-suq tax-xogħol;
- Torganizza attivitajiet komunitarji u volontarji – Iż-żgħażagħ ikunu iżjed attivi fil-komunità permezz tas-soċjalizzazzjoni u networking waqt taħriġ, konferenzi, stands u workshops.
Din l-inizjattiva ser tkompli ssaħħaħ il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2015-2020 permezz tal-inklużjoni soċjali, xogħol komunitarju u volontarju u tipprovdi pjan ta’ azzjoni.