It-turiżmu huwa wieħed mill-iktar setturi importanti għall-ekonomija Maltija. Dan għaliex miegħu hemm marbuta setturi oħrajn. Infatti skont diversi sorsi, fl-2018 u fl-2019 kien ikkontribwixxa madwar 12% tal-GDP Malti. Jekk inħarsu lejn l-2019, fejn kienet waħda mill-aqwa snin għal dan is-settur, f’Malta ġew xejn inqas minn 2.6 miljun turist. Sfortunatament, fl-2020 minħabba l-pandemija u r-restrizzjonijiet li tpoġġew fis-seħħ biex tiġi kontrollata, l-istess settur kien wieħed mill-iktar li ġie milqut. Infatti stajna naraw tnaqqis ta’ 2 miljun turist. Għalhekk huwa mument opportun li nieħdu stampa ċara tas-sitwazzjoni turistika attwali u nirriflettu ftit fuq kif tista’ tkun aħjar. Huwa żmien ideali għaliex fih nistgħu nsibu riżorsi oħra li joħolqulna turiżmu li huwa sostennibbli u b’saħħtu iktar milli kellna qabel l-2020.
X’inhi s-sitwazzjoni f’Malta?
- Fis-Sena 2019 Malta laqgħat 2.6 miljun turist. Mentri fl-2020 ħabba raġunijiet marbuta mal-pandemija f’Malta ġew ftit iktar minn 650,000 turist.
- Nistgħu ngħidu li l-Leisure Tourism hija r-raġuni ewlenija għaliex it-turisti jiġu Malta. Dan it-tip ta’ turiżmu huwa impattiv ħafna għaliex jiffoka fuq il-kwantità u b’hekk jimpatta l-ekonomija f’qasir żmien. Madankollu jista’ jkollu wkoll impatt negattiv għaliex jista’ jserraħ fuq il-massa u b’hekk jimpatta kemm fuq ir-riżorsi tal-pajjiż kif ukoll fuq il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur.
- Sfortunatament il-pagi tal-ħaddiema tas-settur huma baxxi ħafna meta mqabbla ma’ setturi oħrajn. Għalhekk qed naraw exodus ta’ ħaddiema li jitilqu mis-settur turistiku għall-oħrajn.
- Kemm minħabba l-pandemija u anki minħabba raġunijiet ta’ pakketti finanzjarji l-istabbilimenti turistiċi mhumiex isibu ħaddiema ta’ kwalità u mħarrġa. B’hekk hemm is-sogru li s-servizzi titnaqsilhom il-kwalità.
Punti li hemm bżonn insaħħu?
- Investimenti fil-ħaddiema u fit-taħriġ tagħhom;
- Strateġija li toħloq turiżmu ta’ kwalità u li tiggarantixxi sostennibbiltà;
- Nesploraw niċeċ ta’ turiżmu oħra;
- Napprezzaw iktar il-wirt kulturali, storiku u ambjentali li għandna Malta.
X’jista’ jsir?
- Programmi ta’ taħriġ relevanti għall-ħaddiema li jaħdmu fis-settur. Dawn il-programmi għandhom iwasslu għall-iskills cards li jirrikonoxxu l-ħiliet ta’ kull ħaddiem;
- Nagħrfu u nifhmu li ħaddiem jista’ jkollu karriera fis-settur turistiku. Dan jista’ biss isir billi jiġu introdotti pakketti finanzjarji aħjar flimkien ma’ titjib fil-kundizzjonijiet li jħajru lil dak li jkun jibqa’ jaħdem fit-turiżmu;
- Nikkunsidraw turiżmu li jiffoka fuq il-wirt storiku u kulturali Malti u li jiggarantixxi esperjenzi ħolistiċi,
- Jiġi kkunsidrat turiżmu komunitarju li jenfasizza fuq il-karatteristiċi uniċi li l-irħula Maltin joffru. F’dan il-mudell, ir-residenti stess ikunu qed jagħtu sehem ewlieni sabiex lit-turist idewquh l-awtentiċità Maltija.
Huwa żmien opportun, għaliex qed nerġgħu niftħu l-bibien tagħna għat-turisti. Hija sitwazzjoni ideali sabiex nitgħallmu mill-iżbalji, u nibnu settur turistiku fuq: sostenibbiltà, kwalità u b’investimenti indirrizzat lejn ir-riżorsi umani li joperaw fi ħdan is-settur. Għandna opportunità fejn nistgħu nesploraw niċeċ turistiċi oħrajn, filwaqt li npoġġu fiċ-ċentru tiegħu l-patrimonju Malti, li huwa mimli b’awtentiċità u li jista’ joffri esperjenza unika. Huwa għalhekk li l-istampa li nixtieq li nara għandna tkun waħda fejn Malta jkollha strateġija ta’ turiżmu ta’ kwalità, sostenibbli u fejn il-ħaddiema mill-ġdid ikollhom l-opportunità li jimirħu.
Gabriel Pullicino – Taqsima Ospitalità u Ikel