Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Uħud mill-ħaddiema żdidilhom l-ammont ta’ xogħol waqt il-pandemija

Fl-aħħar xhur, il-General Workers’ Union nediet studju ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea b’kollaborazzjoni mal-European Trade Union Confederation (ETUC) b’rabta mal-effetti tal-pandemija Covid-19 fuq il-ħaddiema. Il-GWU avviċinat lir-Riċerkaturi Manwel Debono u lil Christine Garzia biex jaħdmu fuq rapport bejn Marzu u Settembru li għadda. Kollox beda minn diskussjonijiet ma’ gruppi ta’ ħaddiema fil-GWU li ħadmu biex taw l-opinjonijiet tagħhom rigward l-aspetti li kellhom jiġu indirizzati fir-rapport. 

“AMMONT TA’ EFFETTI LAQTU LILL-ĦADDIEMA KOLLHA, MADANAKOLLU ĊERTU EFFETTI LAQTU KATEGORIJI AKTAR MINN OĦRAJN”

Manwel Debono

Minn hemm sar stħarriġ fost 340 ħaddiem u membri fi ħdan il-GWU u biex ċertu aspetti jkunu aktar kwalitattivi saru 15-il intervista ma’ parteċipanti differenti abbażi tal-abbiltajiet u l-ġeneru tagħhom. Dan hekk kif il-parteċipanti kienu jinkludu rġiel, nisa, żgħażagħ u anke persuni b’diżabbiltajiet u li l-ħidma tagħhom kienet tvarja bejn dawk li baqgħu jaħdmu mill-post tax-xogħol, oħrajn li kellhom il-possibbiltà li jagħdmu b’teleworking u oħrajn b’xogħlijiet atipiċi. Ħafna mir-riżultati kienu jixbhu lil xulxin minħabba li kien hemm ammont ta’ effetti li laqtu lill-ħaddiema kollha. Madanakollu kien hemm ċertu effetti li laqtu lil xi kategoriji aktar minn oħrajn.

Ħaddiema jsibuha diffiċli biex jaqtgħu mix-xogħol

Dan is-sit tkellem mal-espert dwar is-suq tax-xogħol u riċerkatur Manwel Debono rigward uħud mir-riżultati ta’ dan ir-rapport. Fost affarijiet oħra rriżulta li ż-żieda fit-Teknoloġija tal-Informatika (ICT) fi żmien il-pandemija wasslet għal diffikultajiet sinifikanti ladarba l-ħaddiema jiġu biex jaqtgħu mix-xogħol. Debono qalilna li l-użu ta’ komunikazzjoni bl-emails, chat groups u mezzi oħra wasslu biex il-ħaddiema spiċċaw jaħdmu sigħat itwal u li kien hemm ħaddiema li saħansitra lmentaw li min iħaddem ippretenda li l-ħaddiema jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum. Dan kien japplika kemm għal dawk li jaħdmu mid-dar kif ukoll dawk li jaħdmu mill-uffiċċju fejn ikollok sitwazzjonijiet fejn min iħaddem jistenna rispons barra mill-ħinijiet tax-xogħol bħal ngħidu aħna li twieġeb il-mowbajl jew l-emails f’ċertu ħin wara l-ħin tax-xogħol.

Nofs il-ħaddiema jgħidu li żdidilhom l-istress

Skont l-istess rapport irriżulta li l-pandemija ma kellhiex effetti katastrofiċi fuq il-ħaddiema u fil-maġġoranza tagħhom ma kellhomx effetti fit-tul. Minkejja dan kien hemm uħud li rrappurtaw li tilfu l-impjieg tagħhom. Debono kellimna dwar il-fatt li nofs il-ħaddiema qalu li żdidilhom l-istress fuq ix-xogħol u li dan kien ikkawżat minn sigħat itwal ta’ xogħol u l-ammont ta’ xogħol mitlub minnhom. L-istress jidher li żdied ukoll fost dawk li nbidlitilhom l-iskeda tax-xogħol kif ukoll dak mitlub minnhom. Madanakollu, minkejja dawn il-livelli li huma relattivament għoljin, dawk li kkunsidraw li jitilqu minn fuq il-post tax-xogħol kienu biss 4.5 fil-mija.

Ħaddiema beżgħu li jinfettaw lill-qraba iżjed milli li jieħdu l-virus huma

Rigward is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol, fil-bidu ta’ din is-sena, ftit aktar minn nofs (51.7 fil-mija) il-parteċipanti qalu li għadhom jibżgħu li jieħdu l-virus tal-Covid-19 fuq il-post tax-xogħol. https://www.facebook.com/plugins/video.php?height=314&href=https%3A%2F%2Fwww.facebook.com%2Ftalkmtmedia%2Fvideos%2F664212478563884%2F&show_text=true&width=560&t=0

Debono spjegalna li għalkemm jidher li din il-biża’ naqset b’mod konsiderevoli, kien hemm tħassib f’madwar 80 fil-mija tal-parteċipanti li jinfettaw lill-qraba. Bħala amministrazzjoni, il-maġġoranza tal-ħaddiema li wieġbu l-istħarriġ qalu li kellhom biżżejjed apparat u proċeduri biex jilqgħu kontra l-virus. Barra minn hekk, il-maġġoranza qablu wkoll li s-superjuri tagħhom jimpurtahom minn saħħithom u li kien hemm komunikat tajjeb f’dan ir-rigward biex tiġi ssalvagwardjata saħħithom.

Ħarsien tal-miżuri kontra l-firxa tal-virus

Fattur ieħor li tkellimna dwaru kien il-fatt li l-pandemija żiedet xi ftit it-tensjoni bejn ħaddiema Maltin u dawk barranin, b’mod speċjali dawk minn pajjiżi terzi. Dan minħabba l-fatt li f’xi każi, dawn tal-aħħar kienu qegħdin jiġu akkużati li mhux biss iġorru riskju akbar ta’ tixrid tal-virus, iżda li saħansitra ma kienx jimpurtahom mill-miżuri tas-sigurtà biex ikun evitat it-tixrid tal-virus.

Il-kuntentizza u s-saħħa 

Debono kellimna wkoll dwar il-kuntentizza u s-saħħa mentali fejn 40 fil-mija ta’ dawk li rrispondew l-istħarriġ qalu li s-sitwazzjoni marret għall-agħar mill-bidu tal-pandemija lil hawn. Madwar 35 fil-mija qalu li s-saħħa fiżika tagħhom marret għall-agħar ukoll. Mistoqsi minn dan is-sit dan il-fattur huwiex riżultat tal-fatt li persuni baqgħu jibżgħu li jitħalltu f’attività fiżika, Debono qalilna li kien hemm ħafna li kellhom seba’ mitt sena biex jirritornaw għal ċertu attivitajiet. Madanakollu ċertu effetti tal-aħħar sentejn mhux faċli biex niġġilduhom. Eżempju ċar ta’ dan kien persuni li żiedu fil-piż u li mhux faċli biex wieħed jikseb il-kontroll lura. Barra minn hekk ċertu persuni kienu affettwati iżjed minn oħrajn.

Fejn jidħlu l-parteċipanti nisa, kien hemm tendenza li dawn jirrappurtaw livelli ogħla ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol mill-irġiel. It-tendenza kienet turi wkoll li mill-bidu tal-pandemija, in-nisa, speċjalment dawk li huma ommijiet, li jaħdmu mid-dar ikunu iżjed mill-irġiel. Barra minn hekk, in-nisa qalu li jħossuhom produttivi iżjed mill-irġiel meta jaħdmu mid-dar.

Terz tal-parteċipanti żgħażagħ bidlu l-impjieg

Fattur ieħor kien il-fatt li dawk iżgħar fl-età kellhom tendenza li jkunu inqas sodisfatti fuq il-post tax-xogħol, meta kkumparati ma’ dawk aktar avvanzati fl-età u kważi terz minnhom spiċċaw bidlu l-impjieg tagħhom. Hawnhekk Debono spjega li bidla fl-impjieg fost iż-żgħażagħ hija xi ħaġa li mhux daqstant kienet relatata mal-effetti tal-pandemija. Din il-faxxa ta’ ħaddiema kienu l-aktar li esperjenzaw tnaqqis fis-sigħat ta’ xogħol, bidla fl-iskeda u x-xogħol mitlub minnhom.

Rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-istudju

Debono qalilna li bħala riċerkaturi għalqu l-istudju b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet b’mod speċjali fejn tista’ tgħin l-unjin tal-ħaddiema biex l-affarijiet jitranġaw. Tkellem dwar l-importanza li titjieb il-komunikazzjoni fl-organizzazzjonijiet minħabba ċertu nuqqasijiet. “Eżempju wieħed huwa ta’ bżonn li tikkomunika malajr. Kellek ħaddiema li kellhom bżonn informazzjoni ta’ malajr u jibagħtu email minflok iċemplu u għalhekk hemm bżonn iżjed taħriġ biex tiżdied l-effiċjenza”, spjega Debono. Rakkomandazzjonijiet oħra kienu li jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-teleworking u li min iħaddem jibqa’ jħares is-saħħa mentali tal-ħaddiema tiegħu billi fost l-oħrajn il-ħaddiema jkollhom dritt li wara l-ġuranta tax-xogħol tagħhom jaslu f’punt fejn jgħidu li huma lesti għal dik il-ġurnata.