Written by Aħbarijiet, Bla Kategorija, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Tranżizzjoni lejn l-użu ta’ enerġija alternattiva, ħarsien tal-ambjent u implimentazzjoni tad-direttivi dwar it-tibdil fil-klima

Delegazzjoni mit-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU għadha kemm ipparteċipat f’konferenza internazzjonali fi Krakow il-Polonja li tifforma parti mill-Proġett GREENET, immexxi proprju mill-GWU, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja. F’din il-konferenza pparteċipaw diversi rappreżentanti ta’ unjins u dawk minn għaqdiet ta’ min iħaddem. Attività li ffokat fuq is-sitwazzjoni ambjentali preżenti u t-triq ‘il quddiem lejn użu ta’ enerġija alternattiva, il-ħarsien tal-ambjent u l-implimentazzjoni tad-direttivi tal-UE dwar it-tibdil fil-klima biex ikun hemm tranżizzjoni ġusta li tipproteġi lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem.

Id-delegazzjoni Maltija kienet iffurmata minn Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU u li huwa l-leader ta’ dan il-proġett, flimkien ma’ Lawrence Bugeja u Brian Bonnici Assistenti Segretarji u Mark Mckay, il-President tat-Taqsima. Hawn saret enfasi speċjali fuq il-Green Transition fejn kull pajjiż ippreżenta s-sitwazzjoni tiegħu. Dan sar ukoll biex ikun studjat kif it-tranżizzjoni qed tolqot lill-ħaddiema u lill-ekonomija. Kull rappreżentant tal-GWU ppreżenta informazzjoni dwar il-qagħda preżenti ta’ Malta kif ukoll il-miżuri li ttieħdu s’issa minn Malta għal titjib fl-ambjent u l-arja, kif ukoll fl-użu ta’ energija alternattiva, b’enfasi fuq s-settur tal-industrija, tat-trasport u l-enerġija.

Għal din il-konferenza attendew diversi rappreżentanti minn ħafna pajjiżi fosthom mis-Slovakkja, Repubblika Ċeka, Latvja, Serbja, Bulgarija, Maċedonja ta’ Fuq, Portugall, Spanja, Kroazja u l-Polonja.

“Dan il-proġett li tlestiet l-ewwel fażi tiegħu tar-riċerka f’kull pajjiż parteċipant qed ikompli bl-attivitajiet meħtieġa. Bħalissa qegħdin nattendu għal workshops mal-project partners kollha biex permezz tal-konsulenzi nsaħħu r-riċerka li saret fejn qed nikkomparaw is-similaritajiet u d-differenzi bejn il-pajjiżi,” qal is-Segretarju tat-Taqsima Kendrick Bondin.

“Dan sabiex isir dokument wieħed li jwassal għar-rakkomandazzjonijiet għall-project partners. Dokument li se jiġi ppreżentat lill-Unjoni Ewropeja.”