Magħmul mill-Profs. Borg – Kummissjonat mill-MEDE
Dan l-aħħar sar studju kkumissjonat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni bl-isem ‘Challenges that Educators Face’. L-għan ta’ dan l-istudju kien dak li jiġu identifikati sfidi li l-edukaturi Maltin jiltaqgħu magħhom. Dan sar mill-Professur Mark.G.Borg li huwa għalliem u għandu dottorat u għalhekk speċjalizzat fil-Psikoloġija edukattiva. Tajjeb illi jingħad li għal dan l-istudju pparteċipaw iktar minn elfejn edukatur li jaħdmu fl-iskejjel tal-istat u li ġejjin mis-setturi edukattivi kollha. Jiġifieri mill-amministrazzjoni (SLT) sal-Kindergarten Educators. Għall-fini ta’ dan l-artiklu ser niffokka fuq dawk l-punti komuni li ħarġu fl-istudju. Għall-iktar dettall wieħed jista’ jaqra r-rapport sħiħ.
X’ħareġ minn dan l-istudju ‘Challenges that the educators face’ u liema huma l-punti komuni?
- Paperwork – Nistgħu ngħidu li din hija sfida ewlenija għall-edukaturi, għaliex kollha qablu li din qed toħloq stress kbir fuqhom u qed twaqqafhom milli jagħmlu xogħolhom. Jisħqu li minħabba l-paperwork eċċessiv qed inaqqsu minn prijoritajiet oħra. Jista’ jkun għalhekk li ċertu edukaturi sabiex ilaħħqu qed ikomplu b’ħidmithom fil-ħin privat tagħhom.
- Id-Dixxiplina u mġiba – Ħafna mill-edukaturi kitbu li llum il-ġurnata waħda mill-isfidi ewlenin hija l-imġiba tal-istudenti.
- Ir-riformi kontinwi – Sfida ewlenija oħra hija r-riformi li kontinwament qed iseħħu f’dan is-settur. Ħafna edukaturi tennew li huma mhumiex ilaħħqu ma’ dawn ir-riformi u b’hekk mhumiex ikunu jistgħu jaħdmu bl-aħjar mod.
- Nuqqas ta’ konsultazzjoni – Sfida komuni bejn is-setturi kollha hija dik ta’ nuqqas ta’ konsultazzjoni. Fl-istudju l-edukaturi kitbu li sfortunatament meta jkun hemm xi bidla jew riforma ma jiġux ikkonsultati b’hekk ma jħossuhomx parteċipi.
X’soluzzjonijiet taw l-edukaturi?
- Fuq il-paperwork l-edukaturi qalu li għandu jkun hemm ċentralizzazzjoni u b’hekk jiġu identifikat il-paperwork li huwa neċessarju, dupplikat jew prijorità. F’każijiet amministrattivi saħqu li għandu jkun hemm iktar administrative personnel.
- Fejn tidħol dixxiplina u mġiba kien hemm diversi soluzzjonijiet fosthom: Iktar sapport professjonali kemm għat-tfal u kif ukoll għall-edukaturi. Klassijiet iżgħar li jippermettu iktar kontroll u policies ta’ dixxiplina li jiġu attwati.
- Rigward ir-riformi kontinwi l-edukaturi qablu li huma għandhom ikunu parteċipi u kkonsultati. Talbu wkoll li għandu jkun hemm taħriġ marbut mar-riformi biex b’hekk ikunu jistgħu jwettqu ħidmithom aħjar. Talbu wkoll sabiex jitnaqqas ir-ritmu li bih isiru r-riformi f’dan is-settur.
- Fuq kollox l-edukaturi wkoll saħqu l-bżonn li jiġu rispettati iktar u li l-professjoni tagħhom tiġi stmata.
Dan l-istudju, ikkummissjonat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, huwa pass importanti sabiex inkomplu nibnu settur edukattiv sostenibbli, parteċipi u relevanti għaż-żmien tal-illum. Dan l-istudju jgħin sabiex inkomplu nsaħħu l-edukaturi li huma l-pilastru tas-settur edukattiv u b’hekk inkomplu nitfgħu fil-qalba tiegħu lill-istudenti. Tajjeb illi jingħad li l-informazzjoni kollha f’dan l-artiklu kienet meħuda mill-istudju msemmi hawn: ‘Challenges the Educators Face’. Min jixtieq jaqra iktar fuq l-istudju jista’ jagħmel dan billi jaqra r-rapport dwar l-istess studju.