33% tal-ikel globali kollu jintilef jew jinħela kull sena
45% tal-frott u l-ħxejjex jintilfu jew jinħlew kull sena madwar id-dinja
L-ispiża medja ta’ ikel moħli minn familja Amerikana hija ta’ $1,866 (€1526) fis-sena
25% tal-ikel moħli globalment jista’ jitma’ s-795 miljun persuna oħra
8% tal-gassijiet ħżiena fl-arja huma mit-telf u l-ħela tal-ikel
Għaliex din il-ġurnata hija importanti?
Stop Food Waste Day hija importanti għaliex il-ħela tal-ikel hija problema serja u li dejjem qiegħda tikber. Bl-ammonti kbar ta’ ikel li qed jintrema jistgħu jieklu ammont akbar ta’ nies u jonqos il-faqar. Aħna nemmnu li nistgħu ngħinu biex innaqqsu l-ħela tal-ikel billi b’mod effettiv nispjegaw u nagħtu ideat ta’ kif nistgħu nagħmlu dan. Il-ħajja tal-lum saret mgħaġġla ħafna u xi kultant lanqas nindunaw kemm qegħdin nixtru ikel għalxejn.
Il-ħwienet tal-ikel għamlu l-ħajja tagħna iżjed faċli għaliex ġo stabbiliment wieħed issib dak kollu li għandek bżonn. Però din il-faċilità tista’ tirriżulta fi problema oħra għax ma tindunax kemm qed tixtri ikel frisk bħal ħaxix, frott, ħalib, ħobż u ġobon li jistgħu jeħżienu malajr.
X’nistgħu nagħmlu biex innaqqsu l-ħela tal-ikel?
Affarijiet żgħar fil-ħajja ta’ kuljum jistgħu jagħmlu effett kbir b’mod globali;
Prepara lista tal-ikel qabel tmur tixtri u tixtrix ikel barra mil-lista. Din tgħin biex tnaqqas il-ħela tal-ikel u anke tgħin finanzjarjament
Pjana x’ikel ser issajjar minn qabel u ixtri l-ikel speċifikament għal dawk l-ikliet
Aħżen l-ikel sewwa biex tevita milli jeħżien
Fridge mimlija hija xi ħaġa sabiħa ħafna però fridge mhux organizzata tista’ twassal għal ħela tal-ikel
Qatt tarmi ikel li jkun fadal wara xi ikla. Żommu għal għada u ppreparah b’mod differenti
Ħafna mill-ħaxix u l-frott jistgħu jittieklu bil-qoxra b’kollox. Il-qxur tagħhom fihom iżjed nutrijenti u vitamini
Żomm iż-żerriegħa tal-frott u l-ħaxix u kabbarhom. Tista’ ssib ħafna ideat differenti online fuq kif tista’ tkabbar il-frott u l-ħaxix id-dar, anke jekk ma għandekx ġnien u ħafna spazju
Fiex tidħol il-GWU?
Fit-twemmin tal-GWU wieħed jista’ jsib li l-GWU taħdem ħafna biex l-individwi jkollhom ambjent nadif.
Biex l-ikel kemm dak frisk u anke tal-pakketti jiġi ppreparat tintuża ħafna enerġija, fjuwil u ilma li jħallu ħafna gassijiet fl-arja li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima. It-tibdil fil-klima jwassal għal nuqqas ta’ xita u iżjed ġranet sħan. Din taffettwa l-ammont ta’ ilma disponibbli għal kulħadd.
Apparti minn hekk meta l-ikel żejjed jintrema fil-miżbliet dan isir sors ta’ metan li huwa tip ta’ gass li wkoll jaffettwa l-arja u jwassal għal tibdil fil-klima. Irrid inżommu f’moħħna li għalkemm inkunu armejna l-ikel li jkun ħżien mill-kċina tagħna l-effetti tagħhom iħosshom kulħadd u jdumu jinħassu għal żmien twil wara.
Davinia Shead mill-Wasteserv saħqet kemm hu essenzjali li tagħżel l-iskart kif suppost. Il-Wasteserv idawwar l-iskart tal-borża l-bajda f’riżorsa u huwa kwazi impossibbli tagħmel l-istess bl-iskart tal-borża s-sewda. Għalhekk huwa important li nagħżlu l-iskart kif suppost biex flimkien inkunu qegħdin innaqqsu ħafna mill-emissjonijiet li joħorġu fl-arja.