Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Pawlu Bugeja maħtur Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU

Waqt il-Konferenza Ġenerali Kwadriennali tal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU, Pawlu Bugeja ġie maħtur bħala Segretarju tal-Għaqda filwaqt li nħatar ukoll il-Kumitat Eżekuttiv il-ġdid għall-erba’ snin li ġejjin. 

Fil-bidu ta’ din il-konferenza ġiet osservata minuta silenzju għall-membri tal-Għaqda li mietu f’dawn l-aħħar snin. Wara sar diskors mill-President tal-Għaqda Lino Debono u sussegwentement il-membri approvaw kemm ir-rapport amministrattiv kif ukoll ir-rapport finanzjarju.

Fid-diskors tiegħu waqt l-għeluq tal-konferenza, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr li l-erba’ snin li għaddew kienu partikolari ferm anke minħabba li fihom kien hemm il-pandemija tal-Covid-19.  “Bil-grazzja ta’ kulħadd għaddejna minn dak il-perjodu. Il-penjsonanti huma meqjusa l-aktar vulnerabbli u kienu jirrikjedu aktar attenzjoni,” qal is-Sur Bugeja. 

Huwa żied jinnota kif il-ħidma ta’ din l-Għaqda hi mifruxa fuq żewġ livelli, l-ewwel fuq bażi individwali meta pensjonanti jiġu jfittxu l-għajnuna tagħha minħabba xi problemi li jkollhom u t-tieni fuq livell nazzjonali bil-proposti li tressaq għall-budget, quddiem l-awtoritajiet u f’qafas ta’ ministeri differenti. 

“L-Għaqda Pensjonanti tal-GWU hi waħda mill-aktar li tressaq proposti. Mill-irranġar tal-bankini saż-żidiet fil-pensjonijiet. Il-firxa ta’ proposti li jkun hemm tkopri lis-soċjetà Maltija kollha. Nemmnu li l-pensjonant għandu jibqa’ attiv fis-soċjetà. Għandu jibqa’ attiv mhux għalih biss imma għax is-soċjetà għandha bżonnu,” tenna s-Sur Bugeja. 

Huwa rrefera wkoll għal waħda mill-proposti li ressqet ukoll il-unjin, dik li meta anzjan jispiċċa minn fuq il-post tax-xogħol, jibqa’ jagħti servizzi ta’ mentoring liż-żgħażagħ biex dak li tgħallmu ma jintilifx u jibqa’ jiġi wtilizzat.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm billi rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom f’din l-Għaqda tul dawn l-aħħar erba’ snin u awgura kull suċċess lil Pawlu Bugeja fil-ħidma ġdida tiegħu bħala Segretarju u lill-membri kollha tal-eżekuttiv.