Il-ħaddiema membri tal-General Workers’ Union fil-Mellieħa Holiday Centre se jgawdu minn kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol inkluż il-pakkett finanzjarju. Dan sar wara l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv li se jibqa’ fis-seħħ sas-sena 2024.
F’isem il-GWU ffirmaw is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Gabriel Pullicino u s-Shop Steward Chris Attard. F’isem il-kumpanija ffirmaw il-Kap Eżekuttiv Hamdi Abu Rub u c-Chief Financial Officer Ryan Muscat.
Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Kenny Muscat stqarr li ninsabu ħerġin minn żmien diffiċli ħafna fejn is-settur tal-ospitalità kien impattat bil-kbir minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
“Dan is-settur kellu jaffaċċja sfidi kbar. It-Taqsima ħadmet qatigħ f’dawn l-aħħar sentejn. L-approċċ kien wieħed pro attiv billi l-miżuri nżammu proporzjonati ma’ dak li kien qed jiġri. Malli rajna l-irkupru, aġixxejna mal-ewwel biex intejbu l-kundizzjonijiet tal-impjegati,” qal Muscat.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Mellieħa Holiday Centre Hamdi Abdu Rub sostna li minkejja dawn l-isfidi kollha, anke f’dawn iż-żminijiet, il-kumpanija għarfet il-ħidma u l-flessibilità tal-impjegati tagħha u għalhekk ħasset li kellha tibgħat messaġġ pożittiv għall-futur bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv.
Dan kien l-ewwel ftehim iffirmat mit-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel għal din is-sena, li se jkopri l-gradi kollha minbarra dawk maniġerjali.