Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Mara hija kapaċi daqs raġel

Mix-xewqa li tgħin lin-nies bħala ħaddiema soċjali li mmaterjalizzatx ruħha, għal infermiera membru tal-General Workers’ Union u wara impjieg ieħor li fih bdiet tirrappreżenta l-ħaddiema bħala shop steward, Rita Dimech b’determinazzjoni u dedikazzjoni laħqet bħala l-ewwel mara Segretarju fi ħdan il-GWU fit-Taqsima Kimika u Enerġija. L-ORIZZONT għamel intervista ma’ Dimech fejn tagħtina ħarsa lejn il-karriera brillanti tagħha f’dinja ta’ xogħol iddominata mill-irġiel fejn mara, speċjalment fil-privat, tiffaċċja sfidi kbar biex timxi fil-karriera tagħha vis a vis ir-rwol tradizzjonali marbut magħha bħala l-mara tad-dar u l-omm li tieħu ħsieb lill-ulied. 

Din is-Segretarju ta’ din it-Taqsima, li tħoss li dan ir-rwol kien dejjem ġo fiha, tkellimna dwar il-ġurnata tipika ta’ xogħol tagħha u d-diffikultajiet li tiffaċċja f’ċerti sitwazzjonijiet, sitwazzjonijiet li żdiedu dan l-aħħar kawża tal-pandemija tal-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna. 

Dimech barra minnhekk taqsam l-opinjoni tagħha dwar l-opportunitajiet, jew in-nuqqas tagħhom, għall-ħaddiema nisa. Hija temmen li d-dinja tax-xogħol ma tgħinx lin-nisa biex javvanzaw fil-karrieri tagħhom u tisħaq fl-importanza ta’ sħubija f’unjin biex ikun hemm ftehim kollettiv li jipproteġihom.

Filwaqt li hija b’sodisfazzjon tgħidilna li laħqet il-qofol tal-karriera tagħha, Rita Dimech tinkoraġġixxi lin-nisa kollha li jaħdmu biex ma jaqtgħux qalbhom u tagħti s-suġġerimenti tagħha lill-Gvern u lill-istess GWU kif dawn jistgħu jgħinu lis-sess femminili jirnexxi bla ħafna xkiel fil-karrieri tagħhom.

Xi rwol għandek fil-GWU u kemm ilek fih? 

Ir-rwol tiegħi huwa ta’ Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija tal-General Workers’ Union (GWU). Issa ilni sitt snin.

X’ħajrek tidħol għalih? Qatt immaġinajtek f’dan it-tip ta’ rwol? 

Xtaqt li nsir ħaddiema soċjali (social worker) bil-għan li nkun nista’ ngħin lin-nies, dak l-għan ma lħaqtux. Għamilt żmien infermiera wkoll u hawn mill-ewwel dħalt fil-GWU. Ftit wara bdilt ix-xoghol u lħaqt shop steward. Naħseb minn dejjem kienet ġo fija. 

Matul iż-żmien kelli bosta pożizzjonijiet fil-kumpanija fejn kont naħdem u minn dejjem kont nirrappreżenta lill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, iżda qatt ma immaġinajt li se nkun Segretarju ta’ Taqsima. Dan minħabba li x-xogħol li kelli kien wieħed impenjattiv ħafna.

Kif tqassam il-ġurnata tipika ta’ xogħol tiegħek? 

L-ewwel ħaġa niċċekja l-emails. Imbagħad, fost l-oħrajn, nirrispondi t-telefonati; nattendi għal-laqgħat mal-management u r-rappreżentanti fuq il-postijiet tax-xogħol; naħdem fuq il-ftehim kollettivi; u jkolli laqgħat mal-membri fl-uffiċċju għal każijiet personali.

X’inhuma d-diffikultajiet li tiffaċċja, għala u kif taffrontahom? 

Sitwazzjoni li ma nsibx faċli hija dik meta ma tasalx għal xi ftehim fuq xi kwistjoni mal-Management. Diffiċli ħafna biex tfiehem lil xi membru li mhux dejjem ikollu raġun imma xorta waħda se tagħmel ħiltek biex tilħaq kompromess. L-iktar żmien diffiċli kien fi żmien il-Covid-19, meta kelli nfiehem lill-membri li min se jkollu jaħdem erbat ijiem flok ħamsa, se tonqoslu l-paga. 

Imma, b’rieda tajba minn kulħadd wasalna. Issa qegħdin niffaċjaw problema oħra minħabba l-gwerra tar-Russja u l-Ukrajna. Dan minħabba l-fatt li l-materja prima mhux dejjem tasal fil-ħin biex tinħadem. Il-ħaddiema qegħdin ikunu aktar flessibli biex jgħinu lill-kumpaniji. 

Trid tkun kalma f’kull sitwazzjoni u tara li l pass li se tieħu mhux se joħloq konsegwezni oħra li jisgħu jaffettwaw fil-ħażin lil ħaddiema oħra. Huwa importanti wkoll li żżomm ruħek aġġornata mal-ligi u ma dak kollu li qiegħed jiġri fid-dinja.

X’miri għandek fi ħdan il-GWU u x’miri għandha l-GWU għall-futur immedjat? 

Sirt membru tal-GWU aktar minn 40 sena ilu. Wara ftit ilħaqt shop steward. Wara sirt membru fil-Kumitat Ezekuttiv tat-Taqsima Kimika u Energija; membru fil-Kunsill Nazzjonali; President tat-Taqsima u llum Segretarju tal-istess Taqsima. Naħseb li tlajt it-taraġ kollu. Issa li wasalt biex nirtira, il-mira tiegħi hija li nsir membru attiv fl-Għaqda tal-Pensjonanti tal-GWU.

Kieku kellek tibdel xi ħaġa fix-xogħol li tagħmel, x’inhi u għala? 

M’hemm xejn li kieku nbiddel ħlief li forsi nixtieq li l-management u l-membri jifhmu aktar is-sitwazzjonijiet u lil xulxin.

“GĦAD HAWN MIN JEMMEN LI R-RWOL TAL-MARA HUWA LI TIEĦU ĦSIEB ID-DAR U LIT-TFAL … GĦAD HAWN IRĠIEL LI JARAW LILL-MARA BĦALA ‘PERIKLU’ GĦAX-XOGĦOL TAGĦHOM, GĦAX DIN TISTA’ TEĦDILHOM POSTHOM”.

Is-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija tal-GWU, Rita Dimech

Nixtiequ l-esperjenza tiegħek bħala mara f’dan it-tip ta’ rwol. Taħseb li n-nisa huma żvantaġġati fil-karrieri tagħhom? Kif u għala? 

Jien kont iffortunata għax bdejt il-karriera tiegħi f’kumpanija fejn il-kap eżekuttiv (CEO) kienet mara u f’dan il-każ in-nisa dejjem kienu jingħataw opportunitajiet daqs l-irġiel.

Il-maġġoranza tan-nies li ħdimt magħhom dejjem kienu rġiel u wrewni rispett. Meta bdejt bħala Segretarju tat-Taqsima mal-GWU, kont l-unika mara Segretarju. Hawnhekk ma sibt ebda diffikultajiet. Anzi, tant laqgħuni bi ħġarhom li mill-ewwel ħassejtni qisni waħda minnhom tant li dawn is-sitt snin lanqas naf kif għaddew. 

Naħseb li lokalment in-nisa huma żvantaġġati għalkemm bil-mod il-mod l-affarijiet qegħdin jinbidlu. Għad hawn min jemmen li r-rwol tal-mara huwa li tieħu ħsieb id-dar u lit-tfal. Dawn huma rwoli importanti imma ma tantx iħallulha ċans għal karriera. Naħseb ukoll li għad hawn irġiel li jaraw lill-mara bħala “periklu” għax xogħol tagħhom, għax din tista’ teħdilhom posthom. Dan b’mod speċjali fir-rwoli maniġerjali.

Rigward id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, x’taħseb li jista’ jsir u taħseb li d-dinja tax-xogħol tgħin biżżejjed  lin-nisa biex ikunu jistgħu javvanzaw fil-karrieri tagħhom? 

Fejn hemm ftehim kollettiv ma jkunx hemm differenzi bejn paga ta’ mara u dik ta’ raġel. Għalhekk huwa importanti li kulħadd ikunu membru ta’ unjin u li qabel il-ħaddiem jiffirma xi kuntratt tax-xogħol, iqabbel il-pagi u jitkellem ma’ min ikun jifhem fil-liġi tax-xoghol. 

FEJN HEMM FTEHIM KOLLETTIV MA JKUNX HEMM DIFFERENZI BEJN PAGA TA’ MARA U DIK TA’ RAĠEL. GĦALHEKK HUWA IMPORTANTI LI KULĦADD IKUN MEMBRU TA’ UNJIN LI QABEL IL-ĦADDIEM JIFFIRMA XI KUNTRATT TAX-XOGĦOL, IQABBEL IL-PAGI U JITKELLEM MA’ MIN IKUN JIFHEM FIL-LIĠI TAX-XOGĦOL”.

Le, id-dinja tax-xogħol ma tgħinx għax fil-privat diffiċli li taħdem mid-dar (tele working) jew li taħdem fuq bażi flessibbli biex b’hekk mara tkun tista’ tlaħħaq ukoll mat-tfal u mad-dar.

Bħala mara b’karriera, x’inhuwa l-parir li tagħti lin-nisa t’hemm barra? 

Taqtgħux qalbkom. Qatt m’huwa tard biex tibda xi karriera. Nemmen li min ikun verament irid xi ħaġa, se jaħdem għaliha u jirnexxielu jasal fejn irid (where there is a will, there is a way). Tistħux issemmgħu leħinkom. Appilkaw biex tkunu membru ta’ xi kumitat u applikaw għal promozzjonijiet għax mara hija kapaċi daqs raġel.

X’suġġerimenti għandek lill-Gvern/GWU rigward ir-rwol tan-nisa fid-dinja tax-xogħol? 

Is-suġġeriment tiegħi lill-Gvern huwa dak li joħloq aktar inizzjattivi li jgħinu biex mara tibqa’ fid-dinja tax-xogħol u li nibdew nedukaw lit-tfal tagħna biex jifhmu li dawk ir-rwoli li konna nqisuhom tan-nisa, jistgħu jsiru anke mill-irgiel. Billi l-irġiel ikollhom dawn ir-rwoli ma jkunux qegħdin jidhru debboli.

Min-naħa l-oħra, bħala General Workers’ Union nistgħu naħdmu aktar għall-flessibiltà fuq il-postijiet tax-xogħol, speċjalment fis-settur privat.