Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

L-Unions u min iħaddem b’obbligu li jaraw li l-minoranzi ma jkunux iżolati

Kemm l-unjins kif ukoll l-għaqdiet ta’ min iħaddem għandhom fuqhom l-obbligu li jaraw li persuni ta’ minoranzi nkluż persuni LGBTIQ+ ma jkunux iżolati u marġinalizzati fil-postijiet tax-xogħol. Dan għandu jwassal biex ikun hemm aktar ugwaljanza u jkun ta’ benefiċċju mhux biss tal-ħaddiema imma wkoll għall-azjenti fejn jaħdmu. 

Iddikjarat dan is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg f’diskors li għamlet waqt il-konferenza Out@Work li kienet organizzata bħala parti mill-Malta Pride Week. 

It-tieni edizzjoni ta’ din il-konferenza saret fil-bini tal-General Workers’ Union, il-Belt Valletta, u ffokat fuq il-promozzjoni tal-inklussività tal-persuni LGBTIQ+ fuq il-post tax-xogħol. 

Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg esprimiet il-gratitudni tagħha lejn Allied Rainbow Communities (ARC) u l-GWU talli organizzaw din il-konferenza li xeħtet dawl fuq l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema LGBTIQ+ fuq il-post tax-xogħol.

Hija qalet li hu stmat li bħala medja persuna tqatta’ terz ta’ ħajjitha fuq ix-xogħol, li jfisser 90,000 siegħa ta’ ħidma. Tenniet li huwa għalhekk kruċjali li l-ħaddiema jkunu provduti bl-aqwa u l-aħjar ambjent illi jrawwem l-inklussività għall-impjegati kollha. 

Madanakollu, is-Segretarju Parlamentari rrikonoxxiet li għad fadal diversi sfidi x’jiġu indirizzati billi għad hawn persuni li tkellmu magħha u qalulha li jħossuhom trattati b’mod inġust minħabba l-identità tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Dan filwaqt li rrimarkat li l-persuni transgender għadhom qed jaffaċċjaw stigma konsiderevoli. 

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg kompliet billi fakkret illi f’dawn l-aħħar snin, Gvern Laburista wettaq riformi kbar fejn jidħlu l-ugwaljanza u d-diversità. “Iżda dan ma jfissirx li se nieqfu hemm,” hija żiedet tgħid. “Ninsabu konxji tal-isfidi li għandna quddiemna”.

Temmet tgħid li l-progress u l-avvanzi jistgħu jinkisbu bil-kontribut ta’ kulħadd, bl-involviment fost oħrajn tal-Gvern, min iħaddem u t-trejdunjins, filwaqt li huwa essenzjali wkoll li jsiru diskussjonijiet ma’ NGOs li jirrappreżentaw lil din il-komunità.

Waqt il-konferenza tal-bieraħ saru wkoll diskorsi mill-Co-President (Chairperson) tal-ARC Maria Azzopardi li tkellmet dwar il-kisbiet li saru f’dan il-qasam għall-persuni LGBTIQ+ u l-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw, u minn Michael Owen – Pride Coordinator ARC – li saħaq dwar l-importanza tal-inklussività tal-komunità LGBTIQ+ fuq il-post tax-xogħol. 

Panel ta’ diskussjoni tratta l-użu tal-aħjar prattiċi għall-inklussività ta’ din il-komunità fuq il-posthom. Fuq dan il-panel kien hemm Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Stefania Curmi – Leo Vegas, Matthew Bartolo mill-Kamra tal-Kummerċ u Jonathan Taylor mill-HSBC.

Workshop ieħor tratta l-bini ta’ kultura inklussiva fuq il-postijiet tax-xogħol li tmexxa minn Ryan Portelli, li huwa counsellor u edukatur. Fl-aħħar parti tal-konferenza xi professjonisti LGBTIQ+ tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom.