L-Ispeaker tal-Parlament ta’ Malta Dr Anglu Farrugia ħabbar li laqa’ proposta tal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU biex fil-jum internazzjonali tal-anzjani ċċelebrat fl-1 ta’ Ottubru tibda titlaqqa’ seduta parlamentari għall-anzjani.
Dr Farrugia ħabbar dan meta dalgħodu indirizza lill-imsieħba tal-Għaqda Pensjonanti li matulha ta’ elenku tal-ħidma parlamentari li saret minn mindu nħatar Speaker fl-2013.
Huwa qal li l-prinċipji u l-valuri li jemmen fihom huma l-istess bħal tal-GWU, dawk li ż-żgħir irid ikun organizzat biex jieħu ħsieb l-interessi tiegħu steess. Dan għaliex minkejja l-progress li sar tul it-78 sena tal-GWU, il-battalji favur iż-żgħir huma u se jibqgħu kontinwi.
Dr Farrugia enfasizza li l-ambjent mhuwiex biss dak fiżiku u naturali imma wkoll dak li l-ħaddiem ikun assigurat mid-drittijiet tiegħu mhux biss miftehma imma miktuba fil-ftehim kollettiv.
Hawnhekk huwa żvela li qed issir ħidma biex jiġi konkluż l-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Parlament u radd ħajr lill-GWU għall-ħidma li saret f’dan ir-rigward.
F’dan il-kuntest qal li huwa l-ewwel Speaker ‘full-time’ u fakkar li hekk kif inħatar, laqqa’ lill-ħaddiema tal-parlament u enfasizzalhom l-importanza illi l-ewwel il-lealtà tagħhom trid tkun lejn il-Parlament u mhux lejn xi partit jew ieħor.
Dwar l-effiċjenza tal-Parlament, Dr Farrugia qal li tliet snin ilu il-Parlament ta’ Malta ġie dikjarat bħala l-iktar parlament nazzjonali effiċjenti u trasparenti.
Dwar il-ħidma tiegħu bħala Speaker huwa fakkar li fl-2013 mexxa kumitat imwaqqaf bis-saħħa ta’ mozzjoni dwar ħatra ta’ kumitat dwar l-istandards, l-etika u mġieba xierqa fil-ħajja pubblika. Dan il-kumitat ikkontribwixxa biex saret liġi li permezz tagħha ġie maħtur Kummissarju dwar l-Istandards fil-ħajja Pubblika.
Irrefera wkoll għall-privileġġ parlamentari u filwaqt li sostna li għandu riżervi dwar it-tneħħija ta’ dan il-privileġġ, fakkar li sa mill-2015 huwa kien diġa qal li l-Parlament irid jara kif iċ-ċittadin jingħata rimedju meta l-privileġġ parlament jkun abbużat minn xi deputat tl-parlament.