Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU
Fi żjara mill-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, l-Amministrazzjoni tal-GWU flimkien ma’ Segretarji tat-Taqsimiet iddiskutew il-ħtieġa ta’ aktar spazji miftuħa biex kulħadd ikollu fejn igawdi ħin ta’ kwalità fl-apert mal-familja tiegħu. Is-Sur Ellul ta spjega dettaljata tal-ħidma li qiegħda ssir biex jinħolqu dawn l-ispazji ħodor miftuħa.
Ingħad li hekk kif il-pajjiż għadda minn qabża kbira ekonomika llum il-ġurnata l-aspirazzjonijiet tan-nies qed jinbidlu. Illum in-nies iridu postijiet fejn iqattgħu ħin mal-familja tagħhom fl-apert, rilassati u fuq kollox f’arja nadifa.
Is-Sur Ellul għamel preżentazzjoni ta’ x’hemm pjanijiet biex jintlaħqu l-miri tal-proġett, x’qed isir fl-immedjat u xi pjanijiet li hemm fit-tul. Waqt il-laqgħa s-Segretarji barra li staqsew diversi mistoqsijiet dwar dan l-investiment ta’ €700m taw diversi suġġerimenti dwar kif jista’ jitjieb l-ambjent u kif nistgħu nilħqu aktar nies.
Saru proposti dwar tipi ta’ siġar li għandhom jintużaw, dwar parkeġġi li jista’ jsir użu minnhom għall-vetturi biex iċ-ċentri tal-irħula tagħna ma jkunux fgati bil-karozzi, tisbieħ ta’ żoni industrijali, tisbieħ f’Għawdex u passaġġi għall-użu tar-roti. Il-kelliema tkellmu dwar il-ħtieġa li l-ambjent mhux is-siġar biss imma anke t-toroq tagħna, l-indafa fl-arja tagħna, l-użu u l-ħażna tal-ilma. Kelliema oħra tkellmu dwar il-bżonn li tonqos id-dipendenza fuq l-użu tal-karozzi personali, l-użu ta’ trasport alternattiv, aktar solar farms u l-użu ta’ enerġija ħadra u nadifa.
Kelliema oħra tkellmu dwar l-investiment fl-edukazzjoni biex it-tfal tagħna jkunu l-ambaxxaturi tal-ambjent, tkellmu wkoll dwar investiment sostenibbli u li kulħadd għandu jkun responsabbli tal-ambjent li ngħixu fih u l-kwalità tal-baħar u l-ekonomija blu.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU semma’ kemm huwa importanti li bl-implimentazzjonijiet li se jsiru jinbidel il-mod kif jidher pajjiżna, li permezz tagħhom ikollna livell ta’ kwalità aħjar, li postijiet li kienu mitluqa, anke dawk fil-komunitajiet jiġu mibdula għal spazji ta’ rikreazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul saħaq fuq l-impenn ta’ Project Green, dak għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu ta’ Malta, bil-ħolqien, il-manutenzjoni u t-tisħiħ ta’ parks, ġonna u infrastrutturi ekoloġiċi, għal stili ta’ ħajja aktar b’saħħithom, għal ħajja aktar serħana u ambjent aktar sostenibbli.
Huwa ġie fdat bil-pjan ta’ seba’ snin tal-Gvern biex kulħadd ikun jista’ jibda jgawdi minn spazji rikreattivi ħodor ftit bogħod mid-dar fejn joqgħod.
“Minbarra li qed nibdlu dawn l-ispazji mitluqa għal spazji miftuħa ta’ kwalità u nagħtuhom lin-nies mill-iktar fis, qegħdin nieħdu ħsieb li nindirizzaw il-bżonnijiet tan-nies li joqogħdu fil-madwar. Nisimgħu u nikkonsultaw maż-żgħażagħ, l-adulti u l-anzjani biex verament nifhmu xi jridu jaraw fil-lokalitajiet tagħhom,” qal il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul.
Żied jgħid li qegħdin jaħdmu biex jinvolvu wkoll is-settur privat f’dawn il-proġetti biex bl-operat tiegħu jgħin inaqqas it-tniġġis u/jew jinvesti fil-pajjiż permezz ta’ proġetti ambjentali.