Is-Segretarju Generali tal-GWU Josef Bugeja fil-konferenza annwali tal-ILO
F’diskors li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja waqt il-111-il Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol li tiltaqa’ f’Ġinevra, l-Iżvizzera huwa saħaq li għal titjib fil-ġustizzja soċjali hemm bżonn kollaborazzjoni sħiħa fuq kull livell. Bugeja kompla biex jgħid li orgnizzazzjonijiet internazzjonali, gvernijiet, trejdunjins, għaqdiet mhux governattivi, min iħaddem u individwi għandhom jingħaqdu biex jimbottaw favur din il-bidla.
“Irridu nisfruttaw ir-riżorsi kollettivi, l-għarfien u l-kompetenzi tagħna biex nindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-inġustizzja soċjali u naħdmu biex nibnu dinja fejn kulħadd jiġi ttrattat b’dinjità, rispett u ġustizzja”, kompla biex jgħid Bugeja.
Tema għal qalb il-GWU
Filwaqt li saħaq dwar l-importanza tat-tema li jkun hemm avvanz fil-ġustizzja soċjali għall-General Workers’ Union (GWU), Bugeja qal li fl-era tal-globalizzazzjoni jeħtieġ li nindirizzaw l-isfidi li qed ikollhom jaffaċċjaw individwi u komunitajiet madwar id-dinja kollha.
“Il-ġustizzja soċjali mhix frażi li titpoġġa kif ġib u laħaq biex tissimpatizza, hija sejħa għall-azzjoni, mod ta’ kif wieħed jaġixxi, impenn biex tinħoloq soċjetà ġusta u ġusta għal kulħadd”, żied jisħaq is-Segretarju Ġenerali fi ħdan il-GWU.
Fuq firxa aktar wiesgħa tal-frażi, Bugeja qal li l-ġustizzja soċjali tinkorpora l-problema tal-faqar u li dan jittaffa, ġustizzja razzjali, ugwaljanza bejn is-sessi, drittijiet LGBTIQ+, drittijiet tad-diżabilità, drittijiet tal-immigranti, ġustizzja ambjentali, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u governanza tajba.
Fid-diskors tiegħu quddiem persuni distinti, Bugeja qal li huma l-azzjonijiet individwali u l-isforzi kollettivi li jistgħu jindirizzaw l-inugwaljanzi sistemiċi u jippromwovu soċjetà aktar ġusta.
“Fil-qalba tagħha, il-ġustizzja soċjali għandha l-għan li toħloq soċjetà li tippromwovi l-ugwaljanza, l-inklussività u d-drittijiet tal-bniedem għall-individwi kollha, irrispettivament mill-isfond jew iċ-ċirkostanzi tagħhom”, kompla biex jgħid Bugeja.
Sar progress, iżda d-diskriminazzjoni għadha qiegħda tfixkel
Filwaqt li rrikonoxxa li sar progress, Bugeja saħaq li ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-inġustizzja soċjali għadha tippersisti f’ħafna partijiet tad-dinja. Huwa saħħaħ id-diskors tiegħu billi rrefera għad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza, is-sess, ir-reliġjon, l-etniċità, l-orjentazzjoni sesswali, u l-istatus soċjoekonomiku li qiegħda tkompli tfixkel ir-realizzazzjoni sħiħa tal-potenzjal uman.
Bugeja saħaq dwar il-ħtieġa ta’ mudell ekonomiku bbażat fuq aġenda ċċentrata fuq il-bniedem fejn kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs biex jirnexxi u li dan ikun ifisser li l-pass fid-direzzjoni t-tajba jkun li nkissru l-ostakli li jifirduna. Tenna jgħid li huwa permezz tad-djalogu soċjali nistgħu nnaqqsu l-lakuni u nibnu soċjetà aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti.
Malta b’passi sinifikanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza
Huwa għamel referenza għall-ħidma f’pajjiżna u l-passi sinifikanti ta’ Malta fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni. Huwa nnota li bl-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrikonoxxi ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess fl-2017 Malta għamlet pass importanti għad-drittijiet LGBTIQ+. Barra minn hekk rrimarka li ġew implimentati liġijiet ġodda biex jiġġieldu l-vjolenza domestika u l-vjolenza bbażata fuq is-sess, jippromwovu paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, u jżidu r-rappreżentanza tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.
Malta rat ukoll titjib fil-benefiċċji u hawnhekk is-Segretarju Ġenerali tal-GWU semma kif matul l-aħħar 10 snin kemm il-pensjonijiet u l-benefiċċji kontributorji u mhux kontributorji żdiedu fuq bażi annwali. Barra minn hekk, il-Gvern daħħal it-tieni mekkaniżmu għall-aġġustament tal-għoli tal-ħajja speċifikament għal dawk l-aktar vulnerabbli f’dik li hu rrefera bħala struttura li tassigura li dawk l-aktar vulnerabbli jkunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti.
L-inflazzjoni bħala sfida maġġuri quddiem diversi għajnuniet
Dan minbarra għajnuniet oħra msemmija mill-istess Bugeja li ma naqasx milli jfakkar fir-reżiljenza ta’ pajjiżna fi żmien l-isfidi internazzjonali bħalma kienet il-pandemija u kif il-gvern f’dawn iż-żminijiet irnexxielu jkun ta’ spalla b’inċentivi bħalma kien il-Covid Wage Supplement li serva biex jgħin kemm lill-ħaddiema u kif ukoll lil min iħaddem. Iżda minkejja kollox, għajnuniet sostanzjali bħal dawn u sitwazzjonijiet fejn il-gvern jassorbi żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwils, elettriku, ilma, ċereali u prezzijiet oħra qed iwasslu għal żieda fl-inflazzjoni tal-pajjiż li qiegħda titqies bħala sfida maġġuri.
Filwaqt li kompla jisħaq dwar id-djalogu soċjali, Bugeja qal li saru diversi leġiżlazzjonijiet maħsubin biex jagħtu dinjità lill-ħaddiema.
Fost dawn kien hemm fost l-aktar riċenti, l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli u liġi ġdida li tipproteġi lill-ħaddiema tal-pjattaforma.
“L-avvanz tal-ġustizzja soċjali mhix biċċa xogħol faċli, iżda hija waħda neċessarja. Huwa vjaġġ li jeħtieġ impenn, kuraġġ, u dedikazzjoni bla waqfien. Ejjew niftakru li l-azzjonijiet tagħna, żgħar kemm huma żgħar, għandhom is-setgħa li jagħmlu id-differenza. Billi niddefendu l-ugwaljanza, nisfidaw l-inġustizzja, u nħaddnu d-diversità, nistgħu noħolqu dinja aktar ġusta u inklużiva għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin”, temm jgħid Bugeja.