Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Jum Internazzjonali tal-Mara 2025- Aktar trasparenza: Aktar Ugwaljanza

Globalment, in-nisa għandhom rata ta’ mpjieg aktar baxxa u huma impjegati f’pożizzjonijiet ta’ natura iktar informali, part-time u ta’ status iktar baxx mill-irġiel, li jirriżulta f’inqas dħul finanzjarju. Suq tax-xogħol deregolat iwassal għal żieda fil-prekarjetà u l-inugwaljanzi, inkluż diskrepanzi fil-pagi. Din id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri hija riflessjoni ta’ inugwaljanzi iktar wiesgħa, hekk kif il-ġeneru huwa affetwat minn fatturi strutturali oħra, inkluż il-klassi soċjali, l-età, ir-razza u l-etniċità.

Minkejja li mhix permessa mil-liġi, id-diskriminazzjoni fil-pagi a bażi tal-ġeneru sseħħ kemm b’mod dirett u kif ukoll indirettament, permezz tas-segregazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, żbilanċ fir-responsabbiltajiet ta’ kura, nuqqas ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u nuqqas ta’ opportunitajiet u mobilità soċjali fi-karriera. Dħul aktar baxx jipperpetwa l-inugwaljanzi, filwaqt li jxekkel l-indipendenza, l-awtonomija, u l-poter tan-negozjar fis-suq tax-xogħol. Bħala parti minn inugwaljanza iktar wiesgħa bejn is-sessi, id-differenza fil-pagi hija r-riżultat ta’ diversi fatturi, u għalhekk rimedju effettiv jitlob azzjoni ħolistika. 

Bħala parti mill-kommemorazzjonijiet tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, il-General Workers’ Union tellgħet din il-konferenza stampa dwar ir-riżultati li nħarġu minn analiżi li saru f’pajjiżna bħala parti mill-proġett “MIND THE GAP” – Azzjonijiet konġunti ta’ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u min iħaddem biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn is-sessi. Proġett immexxi mill-General Workers’ Union, mit-Taqsima taħt is-Segretarju Kendrick Bondin bil-parteċipazzjoni ta’ Dr Mary Grace Vella u Dr Yana Mintoff li qegħdin jieħdu sehem fil-proġett. Proġett fuq 24 xahar, ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea, li fih qed jieħdu sehem pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u dawk kandidati biex flimkien jindirizzaw il-fatturi li qed jikkawżaw din id-diskrepanza fil-pagi a bażi ta’ ġeneru.

Oqfsa Leġiżlattivi

Il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi hija stabbilita taħt l-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Maltija li jipprovdi għall-ugwaljanza fl-impjiegi, inkluż drittijiet u pagi ekwi. Din il-garanzija Kostituzzjonali hija kkumplimentata minn diversi oqfsa leġiżlattivi oħra, fosthom l-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa (Kapitolu 456 tal-2003, Liġijiet ta’ Malta), l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (Kapitolu 452 tal-2002 tal-Liġijiet ta’ Malta) u r-Regolamenti dwar it-Trattament Indaqs fl-Impjieg (Leġiżlazzjoni Sussidjarja ta’ 522094).

Il-prinċipju ta’ paga ekwa għal xogħol tal-istess valur jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif minqux taħt l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva dwar il-‘Gender Recast’ (2006). Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ugwali fil-pagi permezz tat-trasparenza, li kienet segwita mid-Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi fl-2023.

“L-għanijiet ewlenin ta’ din id-direttiva huma dawk li jagħtu s-setgħa lill-ħaddiema biex ikunu jistgħu jinfurzaw id-dritt għal renumerazzjoni ekwa, isaħħu t-trasparenza ta’ pagi eżistenti, itejbu l-għarfien u l-fehim pubbliku, u jsaħħu l-infurzar tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mill-prinċipju ta’ paga ekwa għal xogħol tal-istess valur. Id-disparità fil-pagi bejn il-ġeneri titnaqqas b’iktar trasparenza għax tippermetti negozjar aħjar tas-salarji u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, li ġeneralment huma ta’ sfida ikbar għan-nisa. Din id-direttiva hija prevista li tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri sal-2026,” qalet Dr Mary Grace Vella.

Id-diskrepanza fir-rata ta’ mpjieg u fil-pagi bejn il-ġeneri

Id-differenza fir-rata ta’ mpjieg u fil-pagi bejn il-ġeneri jibqgħu realtà fi ħdan is-suq tax-xogħol Malti. Għalkemm l-impjieg tan-nisa rreġistra żieda sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, d-differenza fir-rata ta’ mpjieg bejn il-ġeneri f’Malta għadha ogħla mill-medja Ewropeja. Kif muri fil-figura hawn taħt, meta wieħed iqabbel id-differenza fir-rata ta’ impjieg u d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri naraw li hekk kif żdied il-perċentwal tan-nisa li daħlu fis-suq tax-xogħol, hekk ukoll żdiedet id-differenza bejn il-paga medja tal-irġiel u dik tan-nisa. Filwaqt li fl-2006, id-differenza fir-rata ta’ mpjieg bejn il-ġeneri kienet ta’ 39.9% li niżlet għal 12.7% fl-2022, matul l-istess perjodu, id-differenza fil-pagi li kienet ta’ 5.2% fl-2006, irdoppjat għal10.2% fl-2022.

Rakkomandazzjonijiet

“Il-ġlieda kontra d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri titlob illi jiġu ndirizzati l-kawżi varji tagħha -bidla fl-attitudnijiet patrijarkali, approċċ li jħares id-drittijiet umani, rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik personali, l-ġlieda kontra s-segregazzjoni tas-sessi fl-edukazzjoni u l-impjieg, prattiki aktar trasparenti, u iktar monitoraġġ u nfurzar tal-prinċipju ta’ paga ekwa għal xogħol ta’ l-istess valur. Hekk kif id-diskrepanza hija ikbar milli qed naraw,” qalet Dr Yana Mintoff.

Dħul minimu għall-għajxien adekwat jippermetti punt ta’ referenza fejn kulħadd igawdi minn kwalita’ ta’ ħajja aħjar, filwaqt li jgħin biex jiġi indirizzat l-faqar fost in-nisa u l-inugwaljanzi fid-dħul. Żieda fl-investiment fil-benefiċċji u l-protezzjoni soċjali, u apprezzament ta’ xogħol bla ħlas li jsir b’mod partikoalri fil-qasam ta’ kura għad-dipendenti huwa kruċjali. Is-settur pubbliku, bħala settur regolat joffri inqas lok ta’ abbuż għad-diskriminazzjoni. Miżuri li jirregolaw, jinfurzaw, u jimmonitorjaw aktar is-settur privat u l-ekonomija informali huma għaldaqstant essenzjali biex titnaqqas id-differenza inġusta fil-pagi.

Il-kejl ta’ d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri huwa kkalkulat fuq ir-rata ta’ dħul fis-siegħa, u għaldaqstant huwa limitat sabiex jaqbad b’mod iktar wiesgħa n-nuqqas ta’ ‘opportunitajiet indaqs’ u d-diskriminazzjoni li tiġi kkumulata tul il-ħajja.

“Id-Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi ser tkun qed tiġi trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sa Ġunju 2026. Il-ħaddiema nisa u l-attivisti tat-trejdjunjins, fost imsieħba soċjali oħra, jeħtieġ li jkollhom rwol ewlieni fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ d-direttiva. Kull kuntratt tax-xogħol għandu ikun rreġistrat mad-Direttur tax-Xogħlijiet, il-preskrizzjoni tal-proċeduri tal-qrati għandhom jitneħħew, u l-proċeduri twal tat-Tribunal Industrijali jitqassru,” temm jgħid is-Segretarju tal-GWU Kendrick Bondin.

Żied jgħid li jeħtieġ li d-direttiva tieħu aktar għarfien tar-realtajiet speċifiċi fl-istati membri. Pereżempju, f’Malta, billi l-maġġoranza tal-intrapriżi huma ta’ daqs żgħir u medju b’inqas minn 50 impjegat, dawn jeħtieġ li jiġu inkorporati fl-ambitu tad-direttiva biex jiġi żgurat li l-biċċa l-kbira tal-impjegati jkunu koperti. Huwa rrakomandat li titwaqqaf entita speċifika għat-Trasparenza tal-Pagi, magħmula minn partijiet rappreżentattivi varji sabiex tissorvelja l-implimentazzjoni, l-monitoraġġ u l-infurzar effettiv tad-direttiva u tassigura verament paga ekwi bejn il-ġeneri u għal xogħol ta’ l-istess valur.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja saħaq li filwaqt li hi moralment, etikament u legalment ħażina li wieħed jagħmel diskriminazzjoni a bażi tal-ġeneru, din hija negliġibbli fejn il-kumpaniji huma organizzati, u għalhekk il-ħaddiema jitħallsu skont il-Ftehim Kollettivi li jsiru. Filwaqt li fejn mhumiex organizzati, hemm ċerti riservi minn min iħaddem.

Id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri jeħtieġ li tiġi indirizzata fl-isfond ta’ ġlidiet iktar wiesa’ favur l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, kif ukoll ħidmiet favur aktar transparenza u kontabilita’.

Għal din il-konferenza kien hemm preżenti d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri.