Kevin Abela, Segretarju ġdid tat-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel
It-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU min-nhar it-Tlieta li għadda bdiet titmexxa minn segretarju ġdid. Dan wara li l-konferenza tat-Taqsima ħatret fil-kariga lil Kevin Abela li sa ftit jiem qabel kien iservi fil-Union bħala Assistent Segretarju fit-Taqsima Marittima u Avjazzjoni.
Abela beda l-karriera tax-xogħol tiegħu madwar 30 sena ilu bħala skrivan mal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta fejn serva diversi kariga sakemm spiċċa fil-grad ta’ Maniġer fid-dipartiment tal-Passenger Handling and Ground Operations.
Huwa mhux wiċċ ġdid fil-General Workers Union tant li għal bosta snin kien membru tal-kumitat u shop steward tal-ħaddiema tal-Air Malta fejn kien anki involut f’diversi negozjati li wasslu għal ftehimi kollettivi li tejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Fl-2020, Kevin Abela inħatar Assistent Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-GWU.
F’kumment li ta’ lil Talk.mt dwar il-ħatra tiegħu, filwaqt li faħħar il-ħidma tas-segretarju ta’ qablu, Kenny Muscat, li għadu kemm temm il-karriera tiegħu fil-GWU, Abela rrefera għall-isfidi ekonomiċi partikulari li għandu quddiemu s-settur tal-ospitalità u tal-avjazzjoni f’pajjiżna, sfidi li jfeġġu l-iktar mill-kriżi tal-enerġija, il-gwerra fl-Ukrajna u n-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur.
B’danakollu, huwa qal li s-settur tal-ospitalità għandu futur sabiħ quddiemu bit-turiżmu lejn Malta dejjem jiżdied u kif ukoll sinjali ċari ta’ rkupru ekonomiku b’saħħtu mill-pandemija.
Kevin Abela huwa miżżewweġ lil Gloria u għandhom żewġ ulied, Nicholas u Andrew.