Il-qagħda tal-ħaddiema fl-Ewropa qed tkompli tmur għall-agħar, b’għadd ta’ gvernijiet li qed jixxaħħu fil-kundizzjonijiet tagħhom, mhux l-inqas biex isolvu problemi finanzjarji nazzjonali. Sitwazzjoni li qed toħloq allarm fost ir-rappreżentanti tal-istess ħaddiema.
L-aħħar minn dawn, Franza qed tixxaħħaħ mal-ħaddiema bi proposti, li jinkludu t-tnaqqis ta’ festi pubbliċi, b’detriment għal saħħithom u l-ħin mal-familji tagħhom.
Il-Euronews irrapporta kif l-istitut nazzjonali tal-istatistika Franċiż qed ibassar li l-ekonomija tal-pajjiż tista’ tikber b’0.06% jekk kemm-il darba din il-proposta tidħol fis-seħħ kif ippjanat.
Analiżi mill-istess sit tal-aħbarijiet dwar l-ammont ta’ festi pubbliċi fil-pajjiż, ukoll tgiddeb l-argumenti tal-Gvern li l-Franċiżi għandhom fost l-akbar ammonti ta’ ġranet ta’ mistrieħ.
Sal-lum, dawn diġà jaħdmu tlett ijiem iżjed mill-Maltin, pereżempju, waqt li f’pajjiżna wkoll qed nerġgħu ngawdu l-btajjel kollha li jaqgħu s-Sibt jew il-Ħadd, li jiġu kkumpensati b’ġurnata oħra leave.
Jekk din il-proposta tal-Gvern tal-Prim Ministru Bayrou tidħol fis-seħħ, Franza tispiċċa mal-inqas pajjiżi fejn il-ħaddiema jgawdu btajjel pubbliċi.
Dwar dak li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema Franċiżi u anke s-sitwazzjoni inġenerali fl-Ewropa, tkellimna mas-Segretarju Ġenerali tal-akbar trejdunjin f’pajjiżna, il-General Workers’ Union.
“Din il-proposta anke ġiet diskussa fuq livell Ewropew. Aħna anke tajna l-parir tagħna, għax aħna, bħala pajjiż, għaddejna minnha din meta Gvern Nazzjonalista kien naqqas il-btajjel pubbiċi li jaqgħu s-Sibt u l-Ħadd u ma baqax jagħtihom bħala ġranet tal-leave. Din kienet ġlieda li għamlet il-General Workers’ Union anke fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) biex erbaħna d-dritt fejn ikun hemm negozjat ma jistax jidħol il-gvern, xi ħaga li kienet inkisret minn Gvern Nazzjonalista.”
Bugeja żied jispjegalna t-tħassib kbir ta’ trejdunjonistiċi Ewropej hekk kif il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kulma jmur qed ikomplu jitnaqqru minħabba miżuri ta’ awsterità.
Bil-kontra, pajjiżna għaddej minn żmien fejn il-ħidma, li qed issir mal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, hi bla preċedent.
“Filwaqt li, f’Malta, bħalissa għaddej xogħol bla ebda preċedent u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema qegħdin dejjem jitjiebu qegħdin naraw li anke sħabna trejdunjonisti fil-qafas Ewropew qed ikunu inkwetati bl-atteġġjament li qed jittieħed minn diversi gvernijiet.”
F’dan ir-rigward irrefera, bħala eżempju, il-kwistjoni attwali tal-ħaddiema Franċizi.
“Qed naraw lil Franza, li għandha djun kbar u qed tipprova tixxaħħaħ u ġġib l-interess tal-flus qabel is-saħħa u l-benessere tal-ħaddiema. Ma ninsewx li l-btajjel pubbliċi li jiġu huma parti miż-żieda tal-leave li jkun hemm biex ikun jista’ jistrieħ l-impjegat u l-fatt li dejjem qed nitolbu iżjed mingħand l-impjegati qed ikun ta’ effett detrimentali fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema.”
F’dan ir-rigward, Malta hi fost l-aktar pajjiżi fejn il-ħaddiema Maltin u Għawdxin igawdu mill-btajjel pubbliċi – erbatax b’kollox.
Dan wara li kellu jkun il-Gvern Laburista li, fl-2021, radd lura l-btajjel pubbliċi, li kienu nsterqu lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin, bid-deċiżjoni ta’ GonziPN fl-2005. Dak iż-żmien, bl-istess argument ta’ Franza llum, ukoll kienet inġiebet l-iskuża biex tiżdied il-produzzjoni nazzjonali.