Ix-xjenza hija kruċjali ħafna għal diversi sfidi li l-umanità tiltaqa’ magħhom; bħat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, it-tniġġis tal-baħar u tal-arja fost ħafna sfidi oħrajn. Ix-xjenza twassalna biex inħarsu lejn s-soluzzjonijiet li għandna bżonn b’modi differenti. Ilna s-snin niddependu fuq ix-xjenza mingħajr ma forsi konna konxji. Ix-xjenza trid tara kif tibqa’ dejjem tevolvi, tinbidel u tadatta b’mod mgħaġġel u kif ukoll iżżomm ir-ritmu biex tlaħħaq mal-evoluzzjoni tad-dinja, l-industriji u l-bnedmin. Il-pandemija ħalliet impatt kbir fuq kulħadd anke fuq ix-xjenza, però kienu impatti negattivi jew pożittiv?
Min kienet tgħaddilu minn moħħu li fl-2020 kellha tinħoloq marda ġdida li twassal għall-pandemija u twaqqaf lid-dinja kollha? Minħabba dan kollu x-xjenza kellha tadatta u tavvanza b’mod impekkabbli biex toħloq il-vaċċin kontra l-Covid-19. Hekk ukoll ġara fid-dinja tax-xogħol. Il-ħaddiema, min iħaddem, il-proċessi tax-xogħol u l-kumpaniji kellhom jaraw kif ħa jinbdlu għal din id-dinja ġdida.
Id-dinja u l-uminità kellhom bżonn jikkalmaw ftit mill-ġenn u l-għaġla li spiċċajna ngħixu fiha. Dan ifisser li l-pandemija ġabet magħha affarijiet pożittivi wkoll però ma stajniex nibqgħu f’lockdown għal dejjem. Dak li qabel kien normali, ma stajniex nagħmluh aktar. Ħafna persuni spiċċaw ma jistgħux joħorġu mid-dar, tfal ma setgħux imorru għand il-ġenituri u n-nanniet tagħhom. Ħaddiema spiċċaw bil-post tax-xogħol magħluq, ħaddiema oħra spiċċaw bla xogħol. Huwa propju hawnhekk fejn tidħol l-importanza tax-xjenza bħalma qaltilna Marie Curie, “Jien fost dawk li jaħsbu li x-xjenza għandħa s-sbuħija kbira.”
Ilna ħafna nitkellmu fuq l-impatt negattiv tal-pandemija però qisu l-impatt pożittiv ħadd ma ta’ kasu. Hawn ħafna familji li sabu ċ-ċans jerġgħu jingħaqdu flimkien u saħħew il-komunikazzjoni bejniethom. L-unità bejn il-bnedmin inħasset b’mod qawwi ħafna speċjalment fejn kienet tikkonċerna s-saħħa tal-individwi. Ħafna familji għamlu ġimgħat twal ma jiltaqgħux mal-membri familjari vulnerabbli tagħhom u użaw biss it-teknoloġija biex jitkellmu ftit. Hawnhekk ma nistgħux ma nsemmux l-impatt negattiv tal-pandemija. Ħafna anzjani u nies vulnerabbli soffrew mis-solitudni u għad hemm min għadu jħossha s’issa għax għalkemm il-vaċċin wasal u qiegħed jittieħed b’mod mgħaġġel ħafna, però dan ma jfissirx li rbaħna l-battalja kontra l-pandemija.
Mill-banda l-oħrajn ma stajniex ma ninnutawx l-effetti pożittivi mill-pandemija fuq l-ambjent. Waqt li d-dinja kollha marret f’lockdown l-emissjonijiet fl-arja naqqsu b’17%. F’April 2020 ic-CAMs ħabbru li t-toqba li kienet ilha tifforma fl-ozone layer mill-1982 fuq ir-reġjun tal-Antartika t’isfel kienet ċkienet. Il-fabbriki u l-vapur iniġġsu l-baħar. Minħabba li waqt il-lockdown kollox kien wieqaf il-baħar kellu ċ-ċans jitnaddaf. Il-konċentrazzjoni tat-tniġġis naqqset minn 2457mg/l għal 987 mg/l.
X’ħa jiġri wara li bħala poplu jkun rnexxielna nġibu l-immunità tal-massa? Ħa nerġgħu nibdew ngħannqu u nieħdu b’idejn xulxin? Qatt ma kien għaddielna minn moħħna li bil-kuntatt fiżiku u ħafna ġesti oħra li nagħmlu ta’ kuljum konna qegħdin nittrasferixxu ħafna mikrobi bejnietna. Xi ħaġa pożittiva ħarġet mill-mod ġdid ta’ kif qegħdin insellmu lin-nies u nilbsu l-maskri, naqqset ħafna l-influwenza staġjonali.
Ix-xogħol ukoll inbidel b’mod drastiku ħafna. Fil-lockdown ta’ Marzu 2020 kulħadd inħasad meta l-Awtoritajiet tas-Saħħa infurmawna li Malta ser ikollha tagħlaq għal perjodu ta’ żmien. Diversi pajjiżi madwar id-dinja kienu bdew il-lockdown qabilna però Malta baqgħet tittama li mhux ħa jiġri l-istess. Fl-aħħar il-mewġa waslet hawnhekk ukoll u kulħadd kellu jagħlaq il-bibien. Kien dakinhar li indunajna li għalkemm ʼil fuq minn 86% tal-popoluzzjoni għandhom internet fid-djar taghħom iżda Malta kienet għadha lura ħafna fejn tidħol it-teknoloġija u ħafna kumpaniji ma kinux joffru servizz ta’ e-shop. Minħabba f’hekk il-lockdown inħass ħafna però ħafna kumpanija adattaw u matul dawk it-tliet xhur nhedew websites biex ibiegħu s-servizzi u l-prodotti tagħhom b’mod differenti.
Hawnhekk nistgħu ngħidu li l-pandemija kellha impatt tajjeb ħafna fejn tidħol id-diġitalizzazzjoni. Fil-fatt issa li reġa’ hawn diversi industriji magħluqin l-impatt inħass ftit anqas għax ħafna kumpaniji setgħu jibqgħu għaddejjin bil-mod.
Huwa hawnhekk fejn tidħol il-Union. Waqt il-pandemija l-Union uriet ir-reżiljenza tagħha. Dawn il-bidliet kollha li ġraw fi żmien qasir ħafna nistgħu ngħidu fi ftit ġimgħat ħolqu diversità kbira. Il-Union mhijiex kontra dawn il-bidliet kollha, il-Union hija kontra dawk ix-xogħlijiet li jkunu qegħdin jonqsu lill-ħaddiema mid-drittijiet tagħhom bħala umani. Il-Union qed tara li kull forma ta’ xogħol ġdid li jinħoloq ikollu r-regolamenti kollha meħtieġa biex il-ħaddiema jkunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom mingħand min iħaddimhom u jkunu jafu wkoll x’inhuma d-dmirijiet tagħhom lejn ix-xogħol tagħhom. Il-platform workers huma eżempju perfett. Dan ix-xogħol f’Malta beda ftit tax-xhur ilu però waqt il-lockdown sploda u ħafna ħaddiema ġew sfruttati b’ħinijiet twal, mingħajr ebda kundizzjonijiet bażiċi skont il-liġi, lanqas il-pagi minimi għax ħafna minnhom jitħallsu biss kummissjoni. Bla sigurtà tal-impjieg u lanqas dritt ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-Union ma tista’ qatt taċċetta dawn il-kundizzjonijiet meta l-valuri tagħha dejjem kienu li tipproteġi u tissapportja lill-membri tagħha kollha u tara li kulħadd ikun trattat b’mod ekwu.
Waqt il-pandemija ħafna kumpaniji bagħtu lill-ħaddiema tagħhom jaħdmu mid-dar. Dan kien impatt pożittiv għal ħafna għax taħdem mill-kumdità ta’ darek bla stress żejjed ta’ traffiku u biex tipparkja. Però kemm hawn abbużi minn min iħaddem fuq dawn il-ħaddiema? Kemm hemm min jgħid li l-ħaddiema mhumiex jaħdmu biżżejjed u qed ikollhom jaħdmu sa tard bil-lejl? Il-Union qed taħdem biex tintroduċi #righttodisconnect u l-hybrid working li huwa bilanċ tajjeb għall-partijiet kollha.
Ejjew ma nitilfux l-avvanzi kollha li għamilna, ma niffukawx l-enerġija kollha tagħna fin-negattiv u ma ndawrux l-impatti pożittivi kollha tal-pandemija f’impatti negattivi. Kull settur ġie affettwat b’mod differenti u l-Union qiegħda taħdem biex tirregola kull settur biex ma nitilfu l-ebda progress li sar u fl-istess ħin ma jkun hemm l-ebda abbuż kemm minn min iħaddem u anke mill-ħaddiema. ‘Id-dinja ma tintiritx minn min hu l-iżjed b’saħħtu però tintiret minn dawk li l-aktar huma lesti jadattaw u jinbidlu.’ Charles Darwin.
Krystabel Galea