Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-ħaddiema se jgawdu minn pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar flimkien mat-taħriġ meħtieġ

It-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid li jkopri l-ħaddiema kollha ta’ Mizzi Motors Ltd. Ftehim li jkopri tliet snin, li permezz tiegħu l-ħaddiema se jkomplu jgawdu minn pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.

David Darmanin, is-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni tal-General Workers’ Union ħa l-opportunita sabiex jirringrazzja lill-Kumitat kollu tad-dedikazzjoni u support u fuq kollox lill-ħaddiema membri. Lil dawk kollha li taw sehemhom b’lealtà lejn il-kumpanija u lejn il-GWU, sabiex jintlaħaq dan il-ftehim. 

Ian Mizzi, Direttur Maniġerjali ta’ Mizzi Motors Ltd. filwaqt li awgura kull suċċess lill-ħaddiema tiegħu rringrazzja lill-GWU hekk kif għal darb’oħra ġie ffirmat Ftehim Kollettiv ġdid. Ftehim li se jkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet.

Maurizio Micallef, Chief Operations Officer ta’ Mizzi Motors Ltd. qal li s-settur tal-karozzi huwa settur importanti li bħalissa jinsab għaddej minn mument ta’ sfida. Għalhekk kien importanti li flimkien mal-ħaddiema waslu fi qbil biex ikomplu jaħdmu flimkien, jippromwovu t-taħriġ għall-ħaddiema għal aktar għarfien u produttivita u flimkien imexxu l-kumpanija aktar ‘il quddiem.

Joseph Demanuele esprima s-sodisfazzjon tiegħu li qed ikun preżenti għall-ewwel Ftehim Kollettiv tiegħu bħala shop steward. Huwa rringrazzja lid-diretturi u lill-GWU u fuq kollox lil sħabu l-membri.

Il-ftehim ġie ffirmat minn David Darmanin, Segretarju tat-Taqsima – GWU, Ian Mizzi, Direttur Maniġerjali ta’ Mizzi Motors Ltd., Maurizio Micallef, Chief Operations Officer u Muriel Scicluna, Human Resources Manager, flimkien max-shop steward tal-GWU Joseph Demanuele.