Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tikseb rikonoxximent tal-mużiċisti tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta

It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-General Workers’ Union kisbet ir-rikonoxximent uffiċjali bħala r-rappreżentant tal-mużiċisti tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Dan l-eżerċizzju seta’ jseħħ wara li l-mużiċisti kollha li preċedentement kienu membri tal-Professionals and Services Employees’ Union, li issa ġiet xolta, irrikonoxxew il-vantaġġi tas-sħubija fit-Taqsima li tirrappreżenta lill-professjonisti fi ħdan il-GWU.

Ir-rikonoxximent ingħata wara l-proċess ta’ verifika mid-DIER, li kkonkluda li l-maġġoranza assoluta tal-mużiċisti huma membri mħallsa tal-GWU.

Is-Segretarju tat-Taqsima Riccarda Darmanin, esprimiet apprezzament lejn Karmenu Vella għas-servizz li offra lil dawn il-ħaddiema professjonisti u awguratlu l-isbaħ xewqat fl-okkażjoni tal-irtirar tiegħu. Il-pass li jmiss huwa li, malli jiskadi l-Ftehim Kollettiv eżistenti, jibdew in-negozjati mal-amministrazzjoni għal Ftehim Kollettiv ġdid din id-darba mal-GWU, bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-mużiċisti. Sadanittant, it-Taqsima diġà bdiet toffri s-servizzi tagħha lil dawn il-membri fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa u d-drittijiet.