Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tiffirma Ftehim Settorjali għall-klassi tal-ekonomisti fis-Servizz Pubbliku

“Nirrikonoxxu lil dawn il-ħaddiema bħala professjonisti” – is-Segretarju Kendrick Bondin

Il-General Workers’ Union (GWU) iffirmat Ftehim Settorjali ieħor li qed ikompli jibni fuq il-Ftehim Kollettiv tas-Settur Pubbliku. Din id-darba mal-klassi tal-ekonomisti fi ħdan is-Servizz Pubbliku biex il-ħidma ta’ dawn il-ħaddiema tassew tiġi rikonoxxuta bħala professjoni.

Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Kendrick Bondin saħaq li permezz ta’ dan il-Ftehim ġew irranġati l-istruttura u l-benefiċċjigħal din il-klassi biex tkun waħda li tirrifletti aktar lil dawn il-professjonisti.

“Tajna aktar importanza lil din il-professjoni biex dawk kollha li jidħlu jkunu jistgħu jimirħu f’din il-klassi. Rajna wkoll li a bażi tal-akkademja u l-esperjenza li għandhom dawn il-ħaddiema jipprogressaw u jieħdu wkoll diversi benefiċċji li jirriflettu d-dmirijiet ekonomiċi tagħhom,” qal Bondin.

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Finanzi Paul Zahra saħaq li permezz ta’ dan il-Ftehim Settorjali ingħatat l-importanza xierqa lill-klassi tal-ekonomisti, hekk kif dawn  għandhom rwol importanti mhux biss fis-Servizz Pubbliku iżda anke fil-pajjiż.

“L-ekonomisti li jaħdmu mal-Gvern illum qed jikkontribwixxu b’mod dirett, anke in vista li Malta hija membru fl-Unjoni Ewropea u għalhekk bħala riżultat ta’ dan hemm kontribut ħafna iktar wiesa’ minn dak fil-passat jew minn min jaħdem bħala ekonomista fil-privat,” qal Zahra.

Żied jgħid li dan huwa pass ieħor biex nirrikonoxxu li x-xogħol tal-ekonomisti jitqies bħal professjonijiet oħrajn fis-Servizz Pubbliku bl-iskop li fejn jidħlu kundizzjonijiet tax-xogħol u pakkett finanzarju jkunu tajbin, jikkompeti mal-privat.

“Naħseb li hu ftehim tajjeb kemm għal dawk li jaħdmu fil-klassi tal-ekonomisti fil-Ministeru tal-Finanzi iżda anke għal dawk li jaħdmu bħala ekonomisti fis-Servizz Pubbliku. Il-Gvern qed jagħti importanza kbira lil din il-kategorija ta’ ħaddiema permezz ta’ pakkett finanzjarju li jipprova jilħaq dan il-għan,” temm jgħid is-Segretarju Permanenti.

Għal dan l-iffirmar kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, id-Deputat  Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, il-President Jason Deguara, Maria Mifsud u Stephanie Vella Magro rappreżentanti għall-membri fi ħdan din il-klassi, is-Segretarju Permanenti (People & Standards) Joyce Cassar, id-Direttur Ġenerali – Economic Policy Kevin Vella u d-Director Corporate Services Kurt Balzan O’Dea.