Il-GWU tħabbar azzjoni industrijali fl-RSSL biex tħares il-kundizzjonijiet eżistenti tal-ħaddiema u jiġu rispettati l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-Ftehim VETS

14 Oct 2026 - Aħbarijiet | Home | Marittima u Avjazzjoni | Taqsimiet

Il-GWU tħabbar azzjoni industrijali fl-RSSL biex tħares il-kundizzjonijiet eżistenti tal-ħaddiema u jiġu rispettati l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-Ftehim VETS

It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU), f’isem il-membri tagħha li kienu impjegati tal-Air Malta u li llum jaħdmu ma’ Resource Support & Services Ltd. (RSSL), ħabbret azzjoni industrijali wara li baqgħu mhux solvuti diversi kwistjonijiet importanti marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-benefiċċji eżistenti u d-drittijiet tal-ħaddiema.

Il-pożizzjoni tal-GWU hija ċara: il-kundizzjonijiet u l-benefiċċji li diġà jgawdu minnhom il-ħaddiema għandhom jiġu mħarsa, filwaqt li l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-Ftehim VETS u mill-korrispondenza relatata miegħu għandhom jiġu rispettati u mwettqa bis-sħiħ.

Din l-azzjoni industrijali qed tittieħed wara sensiela ta’ diskussjonijiet u sforzi min-naħa tal-Union biex jintlaħaq ftehim ġust mal-kumpanija. Minkejja dawn l-isforzi, il-kwistjonijiet ewlenin imqajma mill-GWU u mill-membri tagħha għadhom ma ġewx indirizzati b’mod sodisfaċenti.

Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin tal-Union hija l-ħarsien tal-kundizzjonijiet u l-benefiċċji li diġà huma stabbiliti fil-Ftehim Kollettiv eżistenti u fil-kuntratti individwali tal-ħaddiema. Il-GWU ma tistax taċċetta sitwazzjoni fejn, permezz ta’ ftehim ġdid, il-membri tagħha jispiċċaw f’riskju li jitilfu jew jaraw jitnaqqsu benefiċċji u kundizzjonijiet li diġà għandhom dritt għalihom.

L-Union tisħaq li d-drittijiet miksuba għandhom jiġu rispettati u li l-impenji li diġà ttieħdu ma jistgħux jitwarrbu jew jibqgħu pendenti waqt in-negozjati. B’mod partikolari, il-GWU tinsisti li l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-Ftehim VETS, flimkien mal-korrispondenza rilevanti li tirreferi għall-implimentazzjoni tiegħu, għandhom jiġu onorati fl-intier tagħhom.

Kwistjoni oħra li għadha pendenti hija dik tal-arretrati tas-salarji li jmorru lura għall-2023. Il-GWU tkompli tinsisti li din il-materja għandha tiġi indirizzata b’mod ġust, flimkien mal-mekkaniżmu propost għaż-żidiet fis-salarji.

Wara laqgħa mal-membri tagħha, li matulha ġew spjegati u diskussi l-proposti mressqa mill-kumpanija, l-Union ħadet inkunsiderazzjoni l-fehmiet u t-tħassib espressi mill-ħaddiema. Il-pożizzjoni tal-membri kompliet issaħħaħ id-determinazzjoni tal-GWU li tiddefendi l-kundizzjonijiet eżistenti tagħhom u tassigura li l-obbligi kollha dovuti lejhom jiġu sodisfatti.

Fid-dawl ta’ dan, il-GWU formalment innotifikat lill-RSSL bl-azzjoni industrijali li se tittieħed bħala risposta għall-kwistjonijiet li għadhom mhux solvuti.

L-Union tenfasizza li din it-tilwima mhijiex sempliċement dwar in-negozjar ta’ kundizzjonijiet ġodda, iżda fuq kollox dwar il-ħarsien ta’ drittijiet eżistenti, ir-rispett lejn impenji li diġà ttieħdu u t-twettiq sħiħ tal-obbligi li joħorġu mill-Ftehim VETS u mill-korrispondenza relatata miegħu.

Il-GWU tibqa’ lesta li tkompli b’diskussjonijiet serji u kostruttivi mal-kumpanija sabiex tintlaħaq soluzzjoni ġusta u sodisfaċenti. Madankollu, kwalunkwe ftehim irid jipprovdi garanziji ċari li l-kundizzjonijiet u l-benefiċċji eżistenti tal-ħaddiema se jibqgħu mħarsa u li l-obbligi pendenti kollha jiġu sodisfatti.

Il-General Workers’ Union se tkompli tirrappreżenta lill-membri tagħha u tieħu l-passi industrijali u legali meħtieġa sabiex tħares id-drittijiet u l-interessi tagħhom.

« Back