Fl-aħħar laqgħa tal-MCESD, il-General Workers’ Union ressqet l-istudju “A Proposal Towards the Definition and Estimates of the National Living Income in Malta” li għamlet flimkien mal-Alleanza Kontra l-Faqar u l-Moviment Graffitti. Dan l-istudju jifforma parti mill-proġett ESF.04.076 – “Improving General Workers’ Union Capacity for Better Social Dialogue” li ġie kkofinanzjat mill-Fondi Soċjali Ewropej. Wara l-proċess tat-tender, intgħażlet il-kumpanija Rethink Advisory bl-iskop li jinħareġ studju xjentifiku dettaljat dwar id-definizzjoni ta’ dħul diċenti u kemm għandha bżonn flus ‘household’ Maltija biex tgħix ħajja adegwata/diċenti.
L-istudju sar fuq firxa wiesgħa ta’ nies li ġejjin minn kull sfera tal-ħajja, u li għandhom dħul differenti. Fil-fatt fl-istudju sar stħarriġ kwantitattiv u kwalitattiv fost elf persuna. Il-qofol tal-istudju kien immirat biex fl-aħħar mill-aħħar ħarġu figuri ta’ kemm għandu jkun in-‘National Living Income’ u b’kollox ħarġu sitt ċifri hekk kif saret distinzjoni bejn il-flus li jkollhom bżonn ‘households’ magħmula minn ammonti diversi ta’ persuni billi analizzaw l-aktar tipi komuni.
Studju li tressaq quddiem l-MCESD biex isiru diskussjonijiet informattivi bejn is-sħab soċjali u aktar tard mal-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar l-għajnuniet meħtieġa biex ma jibqax ikun hawn inugwaljanzi tad-dħul u minflok ċerti faxex ta’ households jitilgħu livell ‘il fuq.