It-Taqsima Ospitalità u Ikel fi ħdan il-General Workers’ Union irreġistrat azzjoni industrijali u ħarġet direttivi lill-‘cleaners’ li jaħdmu fl-iskejjel. Dan wara tilwima mal-kuntrattur General Cleaners dwar il-pagi tagħhom. Tilwima li ilha għaddeja minn Jannar.
Jirriżulta li minn Jannar il-kuntrattur ma baqax iħallas lill-impjegati tiegħu fil-ħin u lanqas ma kien qiegħed jibagħtilhom payslip. Fi Frar kienet saret laqgħa bejn il-kuntrattur, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-GWU fejn kien jidher li s-sitwazzjoni kienet se titranġa.
Iżda ġara li s-sitwazzjoni marret għall-agħar hekk kif aktar ħaddiema mhux qegħdin jirċievu l-paga dovuta lilhom.
Minkejja l-isforzi biex tinstab soluzzjoni l-kuntrattur ma wera l-ebda ħeġġa li jissetilja s-sitwazzjoni u għalhekk il-GWU tat id-direttivi lil dawn il-ħaddiema biex ma jagħmlux tindif essenzjali sa ma tidħol il-paga tagħhom.