Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU f’laqgħa mar-rappreżentanti tal-ħaddiema couriers li jaħdmu mal-BOLT

F’laqgħa li saret bejn rappreżentati tal-GWU u numru ta‘ ħaddiema couriers mal-BOLT, il-GWU saret taf li għalkemm kienet din it-trejd unjin pijuniera biex tinħareġ il-liġi li tkopri dan is-settur, madankollu ħareġ li għad qed isiru diversi abbużi fuq dawn il-ħaddiema u għaldaqstant il-GWU titlob li jkun hemm aktar viġilanza u nfurzar fuq min għadu qed jabbuża.

Kienet il-General Workers’ Union li qajmet il-kwistjoni dwar dan l-isfruttament fuq fora nazzjonali, meta organizzazzjonijiet tax-xogħol bdew jużaw is-servizz tal-ħaddiema tal-pjattaforma.

Dan kien qed iwassal għal abbuż sfrenat meta lanqas kienu jingħataw dak minimu dovut mil-liġi bħal-leave, sick leave u paga minima, id-drittijiet tas-saħħa u s-sigurtà huma ineżistenti, ir-relazzjonijiet bejn min iħaddem u l-ħaddiem huma ineżistenti filwaqt li l-Working Time Directive qiegħda biss fuq il-karta. Dan minhabba li dawn lanqas biss kienu jitqiesu bħala ħaddiema.  

Matul din il-laqgħa, id-Deputat Segretarju tal-GWU Kevin Camilleri, is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kevin Abela u s-Segretarju tat-Taqsima Żgħażagħ Jurgen Azzopardi ġew infurmati li dawn il-ħaddiema mhux qed jitħallsu l-paga minima u kummissjoni imma kummissjoni biss li hi miżera u biex ilaħħqu l-paga ta‘ €1,100 fix-xahar jridu jaħdmu 16-il siegħa kuljum.

Minbarra hekk dawn il-ħaddiema mhumiex koperti b’assigurazzjoni personali li tkoprihom f’każ ta’ inċident. Kif ukoll qed ikunu sottomessi għall-ħlasijiet meta l-ordni ma tkunx korretta, jew meta jiġu misruqa sakemm ikunu qed iqassmu l-ordnijiet tagħhom.

Bħala ammont ta’ riżors uman, l-ammont huwa wieħed sproporzjonat u dan qed iwassal ukoll li s-saħħa u d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema qed tisfa mżebilħa.

“Qalulna wkoll li ma jeżistu l-ebda kundizzjonijiet, filwaqt li qegħdin jaffaċċjaw theddid kontinwu u jinsabu f’biża’ kontinwa li jitwaqqfilhom il-work permit. Filwaqt li jiġu mhedda li fl-għeluq tal-kuntratt dan ma jiġġeddilhomx.

Uħud irrakkontaw li qalgħu swat mingħand il-klijenti minħabba li wasslulhom il-kunsinja ftit minuti tard. Spjegajna lil dawn il-ħaddiema d-drittijiet tagħhom fuq il-post tax-xogħol,” qal Kevin Camilleri.

Il-GWU talbet lil dawn il-ħaddiema biex joħdulhom kopji tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom biex ikunu jistgħu jiddiskutu l-każi tagħhom kemm mad-DIER kif ukoll mal-kumpaniji li jaħdmu magħhom.

Iż-żewġ naħat se jerġgħu jiltaqgħu biex issir  rappreżentazzjoni lill-Awtoritajiet dwar il-każ ta’ sfruttament u abbuż fuq dawn il-ħaddiema filwaqt li tappella lil ħaddiema li jinsabu fl-istess sitwazzjoni biex jersqu lejha ħalli flimkien jaħdmu biex dan l-abbuż u sfruttar jieqaf darba għal dejjem.

“Bħalma dejjem għamlet Il-GWU se tkun qed tiddefendi d-drittijiet u d-dinjità ta’ dawn il-ħaddiema bil-mezzi kollha li tipprovdi l-liġi. Tappella wkoll lil dawn il-ħaddiema biex jibqgħu magħquda u jorganizzaw irwieħhom ħalli flimkien jegħlbu dawn l-ostakli u jitwaqqfu dawk il-kumpaniji li jaħsbu li għandhom dritt li jzebilħu d-dinjità tal-ħaddiema u joħonqu dak il-ħafna tajjeb li l-kumpaniji serji, l-Awtoritajiet u rappreżentanti tal-ħaddiema jwettqu,” temm jgħid id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri.