Il-GWU f’laqgħa mal-Ispeaker tal-Parlament Malti

15 Oct 2026 - Aħbarijiet | Home

Il-GWU f’laqgħa mal-Ispeaker tal-Parlament Malti

“Minkejja li fuq livell internazzjonali s-sħubija fit-trade unions qed tiffaċċja diversi sfidi, il-General Workers’ Union (GWU) irreġistrat żieda sostanzjali ta’ membri ġodda matul dawn l-aħħar sentejn. Tant hu hekk li l-mira tas-sħubija li l-Union kienet stabbiliet sal-aħħar tal-2026 intlaħqet diġà fl-ewwel sitt xhur tas-sena.”

Dan ħabbru s-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, waqt żjara ta’ kortesija li delegazzjoni tal-Union għamlet lill-Ispeaker tal-Parlament Malti, l-Onor. Carmelo Abela.

Matul il-laqgħa, Camilleri ta ħarsa lejn l-istruttura tal-GWU, il-ħidma li qed twettaq u l-prijoritajiet tagħha għaż-żmien li ġej. Huwa sostna li ż-żieda fis-sħubija turi l-fiduċja li l-ħaddiema qed ikomplu jpoġġu fil-Union.

Is-Segretarju Ġenerali tkellem ukoll dwar it-tibdil mgħaġġel fid-dinja tax-xogħol u fakkar fir-rwol li kellu Carmelo Abela biex titqajjem il-kwistjoni tad-dritt tal-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati li jissieħbu f’union. Huwa sostna li dan kien pass importanti fir-relazzjonijiet industrijali, li wassal għal titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema.

B’referenza għall-proposti tal-GWU għall-Budget 2027, Camilleri enfasizza li dan għandu jservi bħala pass ieħor lejn it-twettiq tal-Viżjoni Malta 2050, b’miżuri li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Matul id-diskussjoni ġew indirizzati wkoll diversi oqsma li l-GWU qed tagħti prijorità lilhom, fosthom is-saħħa mentali u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-dritt għar-right to disconnect u l-opportunitajiet ta’ finanzjament Ewropew għal proġetti ġodda tal-Union.

Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker Carmelo Abela rrikonoxxa l-kontribut importanti tat-trade unions fis-soċjetà u saħaq fuq il-ħtieġa li d-drittijiet tal-ħaddiema jkomplu jissaħħu. Huwa nnota wkoll il-klima ta’ paċi industrijali li gawda minnha pajjiżna matul dawn l-aħħar snin, li fiha ġew konklużi diversi ftehimiet kollettivi li tejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

L-Ispeaker faħħar ukoll l-impenn tal-GWU favur il-ħaddiema barranin, filwaqt li enfasizza li pagi u kundizzjonijiet dinjitużi għandhom ikunu garantiti għal kulħadd. Huwa osserva li l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema barranin huwa importanti wkoll biex ma jiġux imminati l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin.

Abela tkellem ukoll dwar l-importanza tar-rispett reċiproku fid-dibattitu parlamentari u l-ħtieġa li l-Parlament ikompli jersaq eqreb lejn iċ-ċittadini permezz ta’ inizjattivi mal-komunitajiet, l-iskejjel u l-istituzzjonijiet, kif ukoll permezz tal-midja soċjali.

Id-delegazzjoni tal-GWU kienet magħmula mis-Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, il-President Jason Deguara, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Kendrick Bondin, is-Segretarju Internazzjonali Robert Micallef u l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Cynthia Schembri.

« Back