Written by Aħbarijiet, Bla Kategorija, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-General Workers’ Union tiddeplora kull aġir li jmur kontra l-ħaddiema tal-PBS

Il-General Workers’ Union tiddeplora u tikkundana kull aġir li jmur kontra l-ħaddiema tal-PBS, fejn fil-każ li nqala’ din il-ġimgħa, dwar reklamar marbut mal-Budget fuq l-istazzjon PBS, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Qorti tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex twaqqaf dan l-allegat abbuż.

Dan intqal fi stqarrija li ħarġet il-GWU dwar il-każ li nqala aktar kmieni din il-ġimgħa.

“Il-PN qed jallega li l-PBS xandar reklamar politiku lejlet il-baġit b’mod illegali. Għalhekk mar il-Qorti u talabha tieħu azzjoni u tagħtih rimedju. Madankollu l-PN qed jgħid li minkejja li l-Qorti laqgħet il-mandat t’inibizzjoni tal-PN sabiex jieqaf ixandar dan ir-reklam, il-PBS baqa’ jxandar dan ir-reklamar. Għalhekk talab lill-Qorti tieħu l-miżuri kollha meħtieġa,” tgħid l-istqarrija.

“Aħna niddeploraw u nikkundanaw kull azzjoni kontra l-ħaddiema li jkunu qed jaqdu dmirhom, fejn f’dan il-każ qed naraw li wħud jistgħu anke jissejħu l-Qorti. Bħala trejd unjin il-General Workers’ Union diġà offriet li tagħti l-għajnuna tagħha, anke dik legali jekk tittieħed xi azzjoni kontra xi ħaddiem membru tagħna,” qalet Riccarda Darmanin, Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi.