Il-General Workers’ Union iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema amministrattivi tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li dan huwa l-ewwel ftehim li qed jagħti struttura, kundizzjonijiet u pagi aħjar lil dawn il-ħaddiema li qegħdin dejjem jiżviluppaw bħala aġenzija.
“Id-diskussjonijiet kienu ferm kordjali u ż-żewġ partijiet fehmu, kemm l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema u l-ħaddiema fehmu l-esiġenzi li għandha bżonn l-aġenzija għas-servizz li jridu jagħtu lill-klijenti tagħhom u lis-servizz ċivili. Meta jkollok għan wieħed id-diskussjonijiet ikunu ħafna aktar faċli biex jimxu ’l quddiem u jintlaħqu l-għanijiet taż-żewġ naħat,” qal Bugeja.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard li fisser dan il-ftehim bħala pass importanti “li jixhed l-impenn tal-Gvern lejn servizz pubbliku li jħares id-dinjità tal-ħaddiema u jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali.”
Il-Ministru Attard saħaq li dan il-pass qed iseħħ ftit jiem wara l-preżentazzjoni tal-Budget 2026 – ‘Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna’, li fih ġie allokat ammont rekord ta’ fondi għas-settur tal-Ġustizzja. “Dan il-ftehim kollettiv huwa konferma ċara tal-viżjoni tal-Gvern għal Malta aktar ġusta, moderna u kompetittiva, fejn il-ħaddiema jibqgħu fiċ-ċentru ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom”, sostna l-Ministru Attard.
Il-Ministru Attard kompla biex ifakkar kif matul l-aħħar snin, l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali kibret b’mod sostanzjali u dan bil-għan li tkun tista’ t’amministra servizz li llum huwa provdut minn aktar minn 50 avukat. Dawn il-professjonijiet legali huma mqassma f’numru ta’ oqsma ta’ speċjalizazzjoni, inkluz tilwim ċivili, tilwim kriminali u servizz vittmi tal-kriminalità.
Din iż-żieda fir-riżorsa umana kienet akkumpanjata minn riformi u investiment konkret bħall-introduzzjoni tas-Legal Aid Management System, li kompliet tagħmel is-servizz offrut minnha aktar effiċjenti, trasparenti u aċċessibbli.
Fost il-miżuri oħra msemmija kien hemm ukoll:
• Il-ħolqien ta’ sit elettroniku b’informazzjoni ċara u aġġornata dwar is-servizzi offruti;
• Kampanji edukattivi fil-komunità u fl-iskejjel biex jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet legali;
• Fuljetti informattivi għal professjonisti bħall-ħaddiema soċjali u għalliem biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni ma’ stakeholders differenti.
Il-Ministru spjega wkoll li l-pass li jmiss se jkun it-trasferiment tal-Uffiċċju tal-Avukat tat-Tfal taħt il-mandat tal-Aġenzija Legali, riforma li tespandi s-servizzi legali għal aktar protezzjoni tat-tfal. Dan il-pass huwa wkoll ikkumplimentat minn proġett li se jsir b’kollaborazzjoni mal-Kummissarju għat-Tfal sabiex jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet tat-tfal fl-iskejjel u fil-komunità.
Matul l-aħħar sena l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali wieġbet għal 2,820 talbagħal informazzjoni, u pprovdietgħajnuna legali f’215-il każ ċivili, aktar minn 1,400 każ kriminali, u aktar minn 300 każ ta’ għajnuna lill-vittmi tal-kriminalità.
“Ġustizzja vera tibda minn servizz li jisma’, jifhem u jaġixxi. Dan il-ftehim kollettiv huwa prova konkreta ta’ din il-ħidma, simbolu ta’ rispett reċiproku u ta’ ħaddiema b’kundizzjonijiet aħjar li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal ġustizzja li tilħaq aktar lil kulħadd,” temm jgħid il-Ministru.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Bruno Zahra qal li aġenzija b’saħħitha titlaq minn tim motivat. Huwa spjega dwar it-trasformazzjoni li għaddiet minnha l-Aġenzija f’dawn l-aħħar 11-il sena fejn minn servizz bażiku ġiet żviluppata sistema b’panels speċjalizzati, taħriġ kontinwu u introduzzjoni ta’ rwoli ġodda li jwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ ġustizzja moderna.
Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm ukoll s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Dr Joyce Cassar u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU Kendrick Bondin, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Lawrence Bugeja, rappreżentant tal-ħaddiema fl-Aġenzija s-Sur Jason Cutajar u d-Deputat Kap tat-Taqsima għar-Relazzjonijiet Industrijali Mario Grixti.








