Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma

Iffirmat Ftehim Kollettiv bejn it-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-General Workers’ Union u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma. Ftehim Kollettiv li jkopri s-snin 2024-2027.

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma hija aġenzija fuq ir-regolamentazzjoni ta’ prattiċi, operat u attivitajiet fis-setturi tal-enerġija u l-ilma.


Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin filwaqt li rringrazzja lil kulħadd għall-ħidma li saret biex isir dan in- negozjar li se jagħti l-frott tiegħu f’din l-aġenzija semma’ kif dan il-Ftehim Kollettiv qed ikompli jsaħħaħ il-benefiċċji eżistenti u jżid magħhom, fosthom żieda fis-salarju bażiku tal-ħaddiema.


“Permezz taż-żieda fis-salarju bażiku tal-ħaddiema se nkunu qed ninċentivaw lill-ħaddiema f’din l-aġenzija kif ukoll fir-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda. Ridna naraw li d-dmirijiet tal-ħaddiema jirriflettu fil-paga tagħhom,” tenna Bondin.


Il-Kap Eżekuttiv tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma Marjohn Abela qal li “Nirrikonoxxi bis-sħiħ is-sehem pożitttiv li l-ħaddiema dejjem taw u qed jagħtu fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Dan il-ftehim se jkompli jgħin biex ikollna ħaddiema ta’ livell għoli kemm fil-preżent u anke fil-futur li jiggarantixxu servizz tal-għola livell għall-benefiċċju u l-protezzjoni tal-konsumatur Malti u Għawdxi. “


Għal dan il-Ftehim Kollettiv iffirmaw is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU Kendrick Bondin u l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Brian Bonnici kif ukoll ix-shop stewards Sheldon Attard u Kurt Schembri Farrugia filwaqt li għar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma ffirmaw iċ-Chairperson James Camenzuli u l-Kap Eżekuttiv Marjohn Abela