Intervista ma’ tnejn mill-kontributuri tal-istudju ‘National Living Income’
Il-General Workers’ Union, l-Alleanza Kontra l-Faqar u l-Moviment Graffitti madwar sena ilu kienu ngħaqdu flimkien ma’ Rethink Advisory bl-iskop li jinħareġ studju xjentifiku dettaljat dwar kemm għandha bżonn flus ‘household’ Maltija biex tgħix ħajja adegwata/diċenti.
Ftit xhur wara li nħareġ dan l-istudju ltqajna ma’ Jake Azzopardi u Dr Daniel Gravino, tnejn mill-awturi tal-istudju, biex niddiskutu f’aktar dettall x’kien l-iskop tal-istudju u x’ħareġ minnu.
Bdew biex spjegaw li huma bdew l-eżerċizzju tagħhom billi ħarġu definizzjoni ċara ta’ x’nifhmu meta ngħidu livell ta’ ħajja adegwata/diċenti u jsibu l-metodu kif ikejlu dan id-dħul adegwat. Riedu jistabilixxu ammont li bih ‘household’ ma tkunx qiegħda fi stat ta’ faqar/ċaħda, li kemm kemm ikopri l-ispiża essenzjali biex il-familja taqdi l-bżonnijiet vera essenzjali biex issalva. Iżda li l-ammont ikun qed ikopri spejjeż li bihom il-familja tgħix ħajja komda, sinjifikattiva, li tipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà, tirrikrea ruħha, taċċessa servizzi/ħwejjeġ li jtejbulha l-kwalità ta’ ħajjitha. Dan kollu rrifletta fil-metodu wżat minnhom biex waslu għan-numri li ppubblikaw.
Il-qofol tal-istudju kien immirat biex fl-aħħar mill-aħħar ħarġu figuri ta’ kemm għandu jkun in-‘National Living Income’ u b’kollox ħarġu sitt ċifri hekk kif saret distinzjoni bejn il-flus li jkollhom bżonn ‘households’ magħmula minn ammonti diversi ta’ persuni billi analizzaw l-aktar tipi komuni. Jiġifieri ‘household’ magħmula minn persuna waħda, ‘household’ b’persuna waħda b’tifel jew tifla, ‘household’ b’persuna b’żewġt itfal, ‘household’ b’żewġ adulti u żewġt itfal, koppja b’tifel wieħed u ‘household’ b’pensjonanti. F’dan l-istudju ġie kkwantifikat id-dħul tal-individwi sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom, f’sens li jgħixu ħajja tajba, komda u diċenti.
Wieħed mill-għanijiet tal-istudju, wara li ġie stabbilit id-dħul ta’ ċerti tipi ta’ ‘households’, kien li kkomparaw id-dħul ta’ dawn in-nies ma’ kemm għandu jkun biex wieħed jgħix tajjeb. U għalhekk stabbilixxew kemm għandu jkun in-‘National Living Income’ u b’hekk ħarġu l-perċentwali ta’ kemm ‘households’ għandhom dħul li jammonta għal inqas minn dan. Ħarġu l-ammont ta’ dħul li jkun biżżejjed biex household tkun tista’ tikkonsma bejn 40 u 50% tal-ispiża tal- familja medja.
Minn dan l-istudju rriżulta kemm huwa l-living income nazzjonali tas-sitt tipi ta’ households li għamlu l-istudju fuqhom: eżempju n-NLI għal adult single mingħajr tfal huwa ta’ €14,864 (riżultati kollha fl-istampa). Jirriżulta li minn fost it-tipi differenti ta’ familji huma dawk b’ġenitur wieħed (30%) u l-pensjonanti (70%) fejn huwa l-aktar prevalenti li l-familja ma tilħaqx id-dħul li skont l-istudju meqjus adegwat.
L-awturi tal-istudju waslu għal dawn il-figuri billi ħadu ritratt tat-tipi ta’ 1,000 familja l-aktar popolari f’Malta u tat-tipi ta’ dħul l-iktar popolari. Raw x’tip ta’ nefqa jagħmlu billi ttestjaw basket ta’ bżonnijiet u spejjeż li jagħmlu u kif jiġġestixxu l-finanzi tagħhom skont dawn il-bżonnijiet u raw fejn qed jidher li jbatu. Intuża metodu li nkluda intervisti u focus groups, u sondaġġ xjentifiku li ġabar elf risposta.
Meta qed jingħad ‘basket’ ifisser li mhux biss spejjeż tal-ħajja ta’ kuljum iżda raw ukoll l-ispejjeż addizzjonali li jkollu kulħadd, anke għar-rikreazzjoni, li jonfqu ħafna mill-familji f’Malta, l-esperjenza Maltija – bħall-użu tat-tabib privat, ħlasijiet għall-karozza – fjuwil, mekkanik, ħlas għal assigurazzjonijiet, lezzjonijiet privati, xiri ta’ kotba, tibdil ta’ appliances, ikliet barra jew bid-delivery. Dawn huma spejjeż addizzjonali li wieħed għandu jkollu dħul għalihom mingħajr ma jitpoġġa fi kriżi.
Diffiċli wieħed jgħid għala dawn iż-żewġ kategoriji mhux ilaħħqu. Iżda meta tħares lejn single mother li trid tieħu ħsieb l-ulied waħedha, tifhem li se jkollha inqas ħin għaliha biex tmur taħdem. Filwaqt li fil-każ tal-pensjonanti, dawn mhux qed ikollhom dħul addizzjonali dieħel, ħlief il-pensjoni.
Issa nafu kemm hawn nies li d-dħul tagħhom irid jiżdied u b’kemm irid jiżdied. Għan importanti li ried jintlaħaq b’dan l-istudju li jagħti informazzjoni konvinċenti biex titpoġġa fuq il-mejda u tiġi diskussa biex fuqha tinbena politika soċjali aktar pro-attiva.
Għodda li tati lok għal diskussjonijiet informattivi mas-sħab soċjali u l-gvern dwar l-għajnuniet biex ma jibqax ikun hawn inugwaljanzi tad-dħul u minflok ċerti faxex ta’ households jitilgħu livell ‘l fuq. Għodda li potenzjalment se tgħin biex inħaddmu r-riżorsi pubbliċi b’aktar effiċjenza u ngħollu l-livell tal-ekonomija tagħna u dawn in-nies jibdew jipperċepixxu dħul adegwat li jgħin lill-poplu inġenerali.
Infatti proprju riċentament fil-Baġit li ġie f’perjodu ta’ inflazzjoni globali għolja ħafna, kważi bla preċedent, il-Gvern flimkien mas-sħab soċjali qisu kemm għandha tkun il-COLA u ngħatat iż-żieda mistħoqqa lin-nies għal kemm għoliet il-ħajja, kif ukoll COLA addizzjonali għal dawk li kif qed jissemma’ hawnhekk ma jipperċepixxux ċertu dħul, imsejħa ‘vulnerabbli’.
Prinċipalment l-ideal huwa li kull min jaħdem ikun ferm ‘il bogħod mill-faqar. Stat ta’ fejda għas-soċjetà in ġenerali, dik li l-familji jkollhom dħul li jgħinhom jgħixu ħajja diċenti. Hekk kif apparti t-tbatija fuqhom, tkun qed tbati s-soċjetà inġenerali. Filwaqt li kieku kulħadd jaqla’ dħul adegwat, se jaqbel għal kulħadd. Kulħadd ikollu x’jirbaħ.