Nhar il-Ġimgħa li għaddiet eks ħaddiema u anke ħaddiema tal-Union Print, liema kumpanija tippubblika l-ġurnali l-Orizzont, it-Torċa kif ukoll il-portal Talk.mt reġgħu ltaqgħu f’attività li ġiet organizzata għalihom fil-bini tal-GWU.

Fost dawk li attendew għal din l-attività kien hemm l-eks Editur ta’ l-Orizzont Frans Ghirxi kif ukoll l-eks Editur tat-Torċa Alfred Briffa. Magħhom ingħaqdu wkoll ħaddiema li kienu jipprintjaw il-ġurnali, u anke oħrajn li kienu jaħdmu fl-uffiċini amministrattivi. Attendew ukoll ġurnalisti veterani fosthom John Pisani li meta kien impjegat tal-kumpanija ħadem u offra servizz eċċellenti fl-aħbarijiet dwar kronaka.

Minkejja li għaddew diversi snin, xorta waħda l-imħabba lejn il-ġurnaliżmu baqgħet ħajja f’dawn il-persuni u kollha baqgħu jżommu memorja ħajja tal-esperjenza tagħhom meta ħadmu mal-kumpanija tal-GWU.