Diskussa r-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995 f’laqgħa bejn il-GWU u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes
Il-General Workers’ Union temmen li r-riforma mħabbra dwar il-kirjiet residenzjali ta’ qabel l-1995 se twassal għal bilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien u dawk tal-inkwilini li jgħixu f’dawn il-propretajiet, li tfisser ukoll serħan il-moħħ lil xejn inqas minn 10,000 familja.
Dan sostnieh is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja f’laqgħa li l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU kellha mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes fejn ġiet diskussa l-imsemmija riforma. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay.
Bugeja beda biex qal li l-GWU laqgħet b’sodisfazzjon din ir-riforma u li tixtieq tkun involuta fiha għaliex mhux biss tolqot lill-Għaqda tal-Pensjonanti fi ħdan il-GWU imma wkoll tikkaverja faxxa ta’ nies meqjusa vulnerabbli.
“Dawn il-familji kellhom futur inċert. Kull kawża li kienet tinqata’, fejn ikun hemm żgumbrament, ikollna influss ta’ membri jiġu hawn. Kulħadd għandu ċ-ċirkostanzi tiegħu. Min-naħa l-oħra, ġew ukoll sidien ta’ postijiet li ġabulna l-każijiet tagħhom,” spjega Bugeja. “Il-GWU dejjem saħqet dwar il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn il-persuni vulnerabbli li qed jgħixu f’dawn il-postijiet u s-sid ikollu dħul ġust fuq l-investiment tiegħu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Galdes stqarr li l-għan ewlieni ta’ din ir-riforma huwa li min jistħoqqlu protezzjoni se tibqa’ tingħatalu u li ħadd mhu se jispiċċa bla saqaf fuq rasu. Prinċipju ieħor se jkun dak li min qiegħed b’kirja soċjali ma jiġi mgħobbi b’piżijiet li jagħmluhielu diffiċli li jħallas il-kera. Fl-istess waqt is-sidien se jkunu qed jingħataw kumpens xieraq għall-proprjetà tagħhom skont il-prinċipji stabbiliti matul is-snin mill-Qrati ta’ Malta.
Fil-laqgħa kien hemm ukoll Tony Zarb jirraprezenta l-Għaqda Pensjonanti.
Source: inewsmalta.com