Din il-ġimgħa f’diversi pajjiżi jiċċelebraw Apprenticeship Week. Aħna ħassejna illi għandna nfakkru din il-ġurnata wkoll għaliex għalina kienet storja ta’ suċċess.
Ftit tax-xhur ilu l-GWU offriet esperjenza ta’ xogħol lil diversi studenti li kienu jistudjaw l-MCAST. Wara li għamlu s-sigħat mitluba minnhom mill-istituzzjoni aħna konna kuntenti ħafna bix-xogħol tagħhom u offrejnielhom impjieġ fuq bażi ta’ part-time. B’dan il-mod dawn l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu jiffukaw fuq l-istudji tagħhom filwaqt illi jaħdmu u jkabbru l-esperjenzi tagħhom f’xogħol relatat.
X’inhuma l-benefiċċji għall-kumpaniji illi joffru esperjenza ta’ xogħol lill-istudenti?
- Studenti jsibuha faċli ħafna biex japplikaw dak li jkunu qegħdin jistudjaw fix-xogħol tagħhom. Dan jgħin ħafna f’xogħlijiet li fihom proċessi li għandhom jiġu segwiti.
- Persuni iżgħar fl-età għandhom perċezzjoni differenti tal-ħajja u jġibu nifs ġdid fil-kumpaniji.
- Individwi minn barra l-kumpaniji jġibu magħhom ideat ġodda u differenti.
- L-istudenti għandhom kreattivà fertili ħafna.
- Apprentisti jagħtu spinta lil ħaddiema oħrajn u jżidu l-produttività tad-dipartiment.
X’benefiċċji jsibu l-apprentisti meta jingħaqdu ma’ kumpanija?
- Jesperjenzaw ix-xogħol li jkunu qegħdin jistudjaw għalih.
- Isibu s-sapport mingħand min iħaddem u l-istituzzjoni jew skola fejn ikunu jistudjaw għaliex jaħdmu id f’id biex l-istudenti dejjem jieħdu l-esperjenza kompluta.
- Il-kumpaniji u l-ħaddiema jagħtu l-abbilità lill-apprentisti li jitgħallmu affarijiet ġodda.
- Iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi ġodda u b’hekk jibdew jibnu l-personalità professjonali tagħhom u jikbru f’persuni b’opinjoni b’saħħita.
- Din l-esperjenza tagħti ideat ċari tad-dinja tax-xogħol u motivazzjoni għall-iżjed responsabbiltà.
- L-apprentistat jgħin l-individwi anke b’mod finanzjarju.
Il-GWU tħeġġeġ aktar kumpaniji biex jagħtu ċans ta’ apprentistat lill-istudenti biex ikabbru u jissaħħu fl-industrija illi jkunu qegħdin jistudjaw. Din l-inizjattiva hija ta’ benefiċċju kbir għall-kumpaniji għaliex gradwati ġodda jkunu diġà esperjenzaw il-ħajja tax-xogħol u x’tirrikjedi minnhom il-professjonalità tagħhom.
Il-GWU tfakkar illi kull ħaddiem minn 16-il sena ʼl fuq jista’ jidħol membru fl-akbar Union tal-ħaddiema ġewwa Malta. Il-Union timxi pass pass ma’ dawk il-ħaddiema membri kollha f’kull sitwazzjoni diffiċli illi jiltaqgħu magħha fuq il-post tax-xogħol.