“Il-moviment trejdunjonistiku tilef pilastru tal-imgħoddi.” Hekk saħaq is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, hekk kif tħabbret l-aħbar li Dr Joe Micallef Stafrace miet fl-età ta’ 87 sena.
F’kumment li ta lil Inewsmalta, Bugeja emfasizza l-kontribut kbir li Micallef Stafrace ta fil-qasam tat-trejdunjoniżmu. Tenna li tul is-snin it-tnejn li huma kien ikollhom kuntatt regolari, anke matul dawn l-aħħar ġimgħat, fejn fi kliem Micallef Stafrace kien jispikka kemm kellu għal qalbu t-trejdunjoniżmu f’pajjiżna filwaqt li kien jaqsam ħsibijietu.
Bugeja għamel referenza wkoll għas-sehem kbir li Micallef Stafrace kellu fil-ġurnaliżmu, b’mod speċjali f’dik stampata. “Kellu pinna fost l-iprem,” tenna Bugeja, “b’kitbietu tirrifletti l-element soċjalist u l-għożża li kellu għall-ħaddiema.”
“Kien baqa’ jsegwi mill-qrib dak li kien għaddej, speċjalment dak kollu li kien jikkonċerna lill-General Workers’ Union u lill-Partit Laburista,” tenna Bugeja.
Huwa temm billi wera s-sogħba tiegħu bħala unjin, filwaqt li ta l-kondoljanzi lill-familja Micallef Stafrace.
Source: https://inewsmalta.com/